IL-MINISTRU GEORGE PULLICINO JATTENDI KONFERENZA DWAR L-ENERĠIJA F’BERLIN
Il-Ministru għar-Rizorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino ipparteċipa f’ konferenza dwar l-enerġija ‘3rd Dii Desert Energy Conference’ li qed tiġi organizzata fil-Ministeru tal-Affarijiet Barannin tal-Ġermanja. Waqt din il-konferenza l-Ministru Pullicino kien mistieden biex ikun fuq panel tad-diskussjoni “The Bridge: Energy Transition Through Cooperaton” li ddiskuta il-kooperazzjoni politika fil-qasam tal-enerġija bejn il-pajjiżi Ewropej, l-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.
F’pubblikazzjoni riċenti msejħa ‘Desert Power 2050’, qed tiġi proposta l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija ta’ tlett reġjuni, l-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u il-Lvant Nofsani biex b’hekk, is-sistemi tal-enerġija f’dawn ir-reġjuni jingħaqdu f’ sistema waħda sal-2050. B’din il-viżjoni r-reġjuni ikunu jistgħu jittrasmettu u jirċievu l-enerġija nadifa li tiġi ġġenerata mid-deżert għall-popolazzjoni ta’ aktar min 1.2 biljun ruħ.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Pullicino saħaq li apparti l-interconnector ma’ Sqallija, Malta qed tħares lejn l-izvillupp ta’ iktar interconnections li jgħaqqdu l-pajjżi tal-Mediterran. Il-pożizzjoni ġeoġrafika ta’ Malta tista tgħin biex tiffaċilita’ dawn l-interconnections permezz tat-territorju u l-ibħra tagħha u tkun il-fus (node) prominenti għal dan il-għan.
Il-Ministru George Pullicino saħaq li l-investiment fil-qasam tal-enerġija huwa garanzija għall-iżvilupp ekonomiku u l-istabbilta’ fl-Afrika ta’ Fuq. Dan mhux biss għaliex joħloq aktar impjiegi b’mod dirett fil-kumpaniji tal-enerġija, iżda ukoll b’ mod indirett bħal bini ta’ infrastruttura biex l-enerġija tiġi trasmessa. Għal dan il-għan Malta tista’ toffri l-għajnuna tagħha, b’mod partikulari, fejn jidħol l-għarfien u l-esperjenza fuq livell tekniku, regolatorju u maniġerjali li huma necessarji biex dawn l-investimenti jseħħu. Din l-għajnuna tista tingħata permezz ta’ kollaborazzjoni kif Malta diġa qed tagħmel mal-Libja sabiex f’dak il-pajjiż jitwaqqaf kulleġġ edukattiv simili għall-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u it-Teknologija (MCAST).
Il-Ministru Pullicino kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Dr Christopher Ciantar, mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja Karl Xuereb u mill-Inġinier Godwin Sant mill-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en