Left arrow Go Back

REAZZJONI TAL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI GĦALL-PUNTI MQAJMA WAQT KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET MIŻ-ŻEWĠ KOPERATTIVI TAS-SAJJIEDA

pr2442
Date Icon 07/11/2012

Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jirreferi għall-Konferenza tal-Aħbarijiet li saret illum miż-żewġ koperattivi tas-sajd.

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jtenni li m’għandu l-ebda intenzjoni li joħloq xi diskriminazzjoni bejn sajjieda tat-tonn u sajjieda oħra, pero huwa importanti li kulħadd ikun jaf x’jgħidu r-regolamenti li fuqhom hija msawra l-iskema ta’ waqfien permanenti mis-sajd.  Skont ir-regolament tal-Fond Ewropew tas-Sajd, jistgħu jitkissru biss bastimenti li huma nvoluti f’tip ta’ sajd għal speċi li dwarhom hemm pjan ta’ rkupru, management plan jew pjan simili. Barra minn hekk, ir-regolament jitlob ukoll li l-iskema trid tkun applikabbli fejn ikun hemm ceiling fuq dik it-tip ta’ liċenzja partikolari, kif inhu l-każ tat-tonn.

Għar-rigward tal-proposta li għandu jkun hemm fondi għall-investimenti fil-bastimenti tas-sajd, il-Ministru jtenni li din il-proposta saret waqt laqgħa li ssejħet mal-koperattivi tas-sajd nhar il-25 ta’ Ottubru li għadda. Wara diskussjonijiet mal-Awtorita ta’ Ġestjoni tal-Fond Ewropew tas-Sajd li tinsab fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġie deċiż li l-Gvern ser jaħdem biex tinħareġ skema tal-immodernizzar sal-aħħar ta’ Novembru. Il-Koperattivi ġew mistiedna mill-Awtorità ta’ Ġestjoni għal-laqgħa li ser issir illum stess biex tiġi diskussa din l-iskema.

Dwar il-punt imqajjem mill-Koperattivi tas-Sajjieda dwar ħlas pendenti għall-bastimenti li applikaw għall-fondi taħt l-iskema tal-modernizzazzjoni tal-2010, il-Ministeru jsostni li meta jitqiesu l-proġetti eliġibbli, kellhom jitħallsu mal-€190,000. Sa llum tħallsu €104,000 jew 55% tal-flus dovuti. Dwar il-bqija, kien hemm diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħlasijiet tagħhom u matul Settembru saru numru ta’ spezzjonijiet fuq id-diversi benefiċjarji biex ikun konfermat b’mod tekniku li l-investiment li ntqal li se jsir fil-fatt sar skont l-applikazzjoni u skont ir-regoli Ewropej. Il-Ministeru jinsab fil-proċess li joħroġ dawn il-pagamenti pendenti.

Fl-aħħarnett issemma wkoll il-punt dwar użu ta’ scrapyards privati għat-tkissir ta’ bastimenti taħt l-iskema preżenti għall-waqfien permanenti ta’ bastimenti liċenzjati għat-tonn.  Fis-snin l-imgħoddija, l-bastimenti dejjem tkissru fil-Hard Standing Facility ta’ Marsaxlokk. Wara li s-sena li għaddiet il-MEPA irċiviet xi ilmenti dwar dan, il-Ministeru kien infurmat ftit jiem qabel ma nħarġet l-iskema li l-permess tal-hard standing facility ma jkoprix it-tkissir ta’ bastimenti ghax mhux ikkunsidrat bħala xogħol minuri. Il-MEPA, li hi l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tad-direttiva dwar l-iskart saħqet li dan it-tkissir jista’ jsir biss f’tarznari liċenzjati, liema tarznari ġew indikati lis-sajjieda fil-Linji Gwida maħruġa lilhom bħala parti minn din l-iskema.  Minkejja dan il-Ministeru se jressaq applikazzjoni mal-MEPA biex il-faċilita’ ta’ hardstanding f’Marsaxlokk tkun tista’ tintuża għal tkissir ta’ bastimenti tas-sajd u ser ikun qed iżomm lill-koperattivi nfurmati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

More Press Releases Right arrow