INAWGURAZZJONI TA’ ĠNEJNET IL-MELLIEĦA
Tfal tal-iskola Primarja tal-Mellieħa dalgħodu inawguraw il-ġnien dedikat għat-titlu prestiġjuż li kisbet il-Mellieħa meta fl-2009 kienet dikjarata Destinazzjoni ta’ Eċċellenza mill-Unjoni Ewropea. L-inawgurazzjoni saret fil-preżenza tal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina u s-Sindku tal-lokalità, Robert Cutajar.
Il-ġnien jinsab fil-qalba tal-lokalità tal-Mellieħa għax hu mdawwar mill-iskola primarja tal-lokalità, l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali, il-ground tal-football tal-lokalità u d-Dar tal-Anzjani – Dar il-Madonna tal-Mellieħa.
Se jkunu t-tfal tal-iskola li se jindukraw dan il-ġnien matul is-sena skolastika bl-għajnuna tal-Kunsill. L-istudenti se jħawlu fjuri u pjanti b’mod regolari u jieħdu ħsieb it-tisqija b’mod regolari kif ukoll it-tindif minn ħaxix ħażin u materjal ieħor li jista’ jiddepożita ruħu fil-ġnien.
Qed isir xogħol biex mill-bidu tas-sena d-dieħla, id-dħul għall-iskola jkun minn fejn jinsab il-ġnien għax hekk ikun hemm aktar sigurtà għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom waqt id-dħul u l-ħruġ mill-iskola.
Matul iċ-ċerimonja ta’ dalgħodu tfal mill-iskola akkumpanjati mill-kor tal-istess skola għamlu rappreżentazzjoni qasir dwar il-ġmiel tan-natura u l-bżonn li nieħdu ħsiebha. Saru wkoll diskorsi qosra mis-Sindku tal-lokal u mill-Aġent Kap tal-Iskola.
F’diskors qasir li għamlet, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li bl-inawgurazzjoni ta’ dan il-ġnien qed isir pass importanti ieħor lejn ambjent aħjar.
Il-Ministru ferħet lill-Kunsill u lit-tmexxija tal-iskola li flimkien ħadu din l-inizjattiva u appellat lit-tfal biex jieħdu ħsieb dan il-ġnien u jaraw li jinżamm fi stat tajjeb biex ikun jista’ jitgawda minnhom stess.
Il-Ministru uriet it-tama li dan il-ġnien ikun jista’ jitgawda mhux biss mill-istudenti imma wkoll mill-familji Melliħin li jiġu hawn f’ambjent mill-isbaħ, arja nadifa u veduta stupenda. Forsi anke l-anzjani residenti fid-Dar Madonna tal-Mellieħa – almenu dawk minnhom li jistgħu joħorġu, jistgħu jiġu jqattgħu ftit ħin f’dan il-ġnien.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en