KUMPENS TA’ €371,422 GĦAL KAŻIJIET DEĊIŻI MIT-TRIBUNAL GĦAT-TALBIET TAL-KONSUMATUR
Fl-aħħar erba snin kien hemm 1294 każijiet deċiżi mit-Tribunal għat-talbiet tal-Konsumatur li fissru kumpens ta’ €371,422. Dan qalu dalgħodu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi f’konferenza stampa fejn fiha ta’ dettalji dwar il-funzjoni tat-Tribunal għat-talbiet tal-konsumatur, kif ukoll statistika dwar il-każijiet pendenti. It-tribunal huwa mmexxi mill-Awtorita għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.
Il-Ministru Azzopardi saħaq li, sfortunatament,ħafna drabi l-konsumatur ma jkunx jaf x’għandu jagħmel sabiex iressaq każ quddiem it-Tribunal u f’ħafna każijiet saħansitra ma jkunux jaf b’tali tribunal u l-funzjoni li dan iħaddan. It-Tribunal li twaqqaf fl-1996, għandu l-funzjoni li jisma’ u jaqra talbiet magħmula minn konsumaturi kontra kummerċjanti meta l-valur tat-talba ma jkunx aktar minn €3,500 u meta t-talba jkollha x’taqsam ma xiri jew kiri minn konsumatur, ta’ oggetti minngħand kummerċjant, jew l-għoti ta’ servizzi minn kummerċjant lill-konsumatur.
Il-Ministru spjega li l-ammont ta’ każijiet preżentati quddiem dan it-Tribunal naqas drastikament matul din is-sena. Fil-fatt il-każijiet bħalissa jammontaw għal 277. Huwa qal li t-Tribunal joffri diversi vantaġġi għall-konsumaturi. Dan ghaliex it-Tribunal huwa forum li jieħu ħsieb b’mod esklussiv it- tilwim bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti. Barra minhekk, il-miżati huma baxxi; filfatt l-ogħla prezz ta’ reġistrazzjoni huwa ta’ €23.20 euro. Vantaġġ ieħor huwa li l-proċess li jsir minn reġistrazzjoni għal konkluzjoni ta’ każ, huwa ħafna aktar mgħaġġel. Dan jinkludi anki dawk il-każijiet li jkunu aktar komplessi u li jkunu jinvolvu l-appuntar ta’ esperti. Il-proċess huwa wkoll wieħed informali, fejn il-konsumatur ma jeħtieġlux li jkun rappreżentat minn avukat waqt ll-proċeduri nnifishom.
Minn Jannar li għadda kien hemm 260 każ li nqatgħu favur il-konsumatur, 140 każ nqatgħu favur il-kummerċjant filwaqt li kien hemm 31 kaz li ntlaħaq ftehim fuqhom bejn il-konsumatur u n-negozjant. Mill-2009 sa Ottubru ta’ din is-sena, kien hemm 1294 kazijiet decizi mit-Tribunal, fejn il-konsumaturi ingħataw kumpens monitarju ta’ €371,422.
L-ammont ta’ kumpens li ngħata lill-konsumaturi matul din is-sena biss kien ta’€ 128,949. Dan apparti kumpens iehor mhux monitarju li jkun inħareġ mit-Tribunal, bħal xi tiswija jew bdil ta’ xi prodott. Il-Minsitru spjega wkoll li kien hemm diversi kazijiet li ma spiccawx quddiem it-Tribunal, u dan għaliex ikun ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partijiet. Spjega li jekk wieħed iżid is-somma tal-każijiet li spiċċaw bi ftehim wara medjazzjoni mil-Awtorità, biex b’hekk ma spiċċawx quddiem it-Tribunal dan jammonta għal aktar min €800,000.
Is-Sur Francis Farrugia, Chariman tal-Awtorità Maltija qal li l-Awtorita ilha għal dan l-aħħar snin taħdem sabiex tnaqqas l-ammont ta’ każijiet u ttejjeb ix-xoghol ta’ dan it-Tribunal. Filfatt spjega, li fl-2011 in-numru ta’ arbitri żdiedu minn 2 għal 4, dan sar bl-għan prinċipali li jitnaqqas l-backlog tal-każijiet pendenti. Spjega li arbitru minnhom jieħu ħsieb l-kawżi ta’ Għawdex. Din iż-żieda ta’ arbitri fissret li l-kazijiet tnaqqsu drastikament . Filfatt mill-bidu tas-sena sal-llum,in-numru ta’ kazijiet nieżlu minn 600 għal inqas minn 277.
Il-Ministru Azzopardi qal li grazzi għall-Awtorità Maltija għall-Konsumatur, dan huwa mod ieħor ta’ kif il-Gvern juri s-sensittivita tiegħu lejn il-konsumatur u jġib l-interessi tiegħu l-ewwel u qabel kollox. Huwa qal li l-konsumatur għandu kull dritt li jressaq l-ilmenti tiegħu quddiem l-Awtorita, u din minn naħa taggħa toffri l-assistenza u l-gwida tagħha. Mod ieħor ta’ kif l-Gvern jwettaq il-ħidma tiegħu, qal Azzopardi kien meta l-Gvern introduċa l-Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi fejn permezz ta’ din il-liġi, konsumatur li jkun jixtieq jiftaħ kawża fil-qorti sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tiegħu, issa jista’ jagħmel dan billi jingħaqad ma konsumaturi oħra li jkollhom l-istess għan.
L-aktar każijiet frekwenti u popolari li l-konsumaturi jressqu quddiem it-Tribunal jinkludu, każijiet relatati ma’ oġġetti diffettuzi fejn f’dan il-każ il-kummercjanti ma jirrispettawx il-garanziji legali jew kummerċjali, każijiet fejn ix-xogħol ma jsirx skond is-sengħa jew differenti minn dak li kien miftiehem kif ukoll każijiet oħra fejn l-aġenzija tal-ivvjaġġar jonqsu milli jżommu ma dak li kien imwiegħed lill-konsumaturi.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista jċempel lill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq 23952000.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en