DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA WAQT IL-LAQGĦA TAL-KUMITAT KONSULTATTIV TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ INTELLETTWALI – BUĠIBBA IL-ĦAMIS, 1 TA` NOVEMBRU 2012
Sur Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, Joseph Camilleri,
Uffiċjali,
Ħbieb,
Huwa ta’ pjaċir għalija li, bħala Ministru responsabbli mill-Familja, niftaħ din il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tal-Persuni b’Diżabilità Intellettwali.
Ippermettuli nibda billi nfaħħarkom tax-xogħol kollu li qed tagħmlu, f’sena speċjali li qed timmarka l-25 anniversarju tal-Kummissjoni. Huwa anniversarju li għandu jimlina b’sodisfazzjon għaliex jimmarka vjaġġ importanti u bidla pożittiva fil-kultura u l-mentalità Maltija fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità. Tlaqna minn punt fejn persuna b’diżabilità kienet kważi tiġi moħbija u wasalna f’punt fejn persuna b’diżabilità qed ngħinuna tilħaq il-milja tagħha fis-soċjetà b’edukazzjoni, aċċess, taħriġ u, anki, xogħol.
Grazzi għall-ħidma fejjieda tal-Kummissjoni, llum il-persuni b’diżabilità huma parti integrali mis-soċjetà tagħna. Mhux biss jgħixu l-ħajja fil-qofol tagħha iżda jikkontribwixxu għall-ġid u għall-progress tagħna bħala pajjiż.
Din il-ħidma bla waqfien għenet sabiex flimkien imxejna lejn ir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Persuni b’Dizabbiltà. Fil-fatt fl-10 ta’ Ottubru 2012 ġie depożitat l-istrument ta’ ratifikazzjoni, u d-9 ta’ Novembru se tkun tfisser id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-istess Konvenzjoni.
Din il-Konvenzjoni tirrappreżenta bidla radikali mill-approċċ li kienet tieħu qabel il-UNCRPD li kellha t-tendenza li tassoċja l-persuni b’diżabilità mal-karità jew ma’ individwi li qabel xejn jeħtieġu trattament mediku jew interventi sabiex itejbu ċ-ċansijiet tagħhom fil-ħajja. Min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tisħaq li l-persuni b’diżabilità huma, l-ewwel u qabel kollox, bnedmin li huma intitolati għal drittijiet ugwali bħal kull persuna oħra.
Fil-fatt fis-snin li għaddew, li matulhom kont responsabbli mill-Kunsilli Lokali f’pajjiżna, stajt nara mill-qrib is-sehem attiv li jagħtu persuni b’diżabilità fil-lokalitajiet tagħna, fl-organizzazzjonijiet volontarji u f’għadd ta’ attivitajiet importanti li jsiru matul is-sena. Stajt nara wkoll persuni b’diżabilità li qed jilħqu l-qofol tagħhom bħala impjegati ma’ kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra. Dan kollu kien possibbli grazzi għall-impenn u għad-dedikazzjoni tal-Kummissjoni Maltija Persuni b’Diżabilità tul dawn l-aħħar 25 sena. U naħseb xieraq li bħala pajjiż nirrikonoxxu dan.
Bħala Gvern kienet dejjem il-mira tagħna li l-persuni b’diżabilità – inkluż diżabbiltà intelletwali - mhux biex nagħtuhom l-għodod li hemm bżonn biex jilħqu l-milja tagħhom iżda biex ikunu wkoll parteċipi fl-iżvilupp tal-pajjiż. Permezz tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u għat-Taħriġ, qed ninkoraġġixxu aktar persuni b’diżabilità jattendu programmi ta’ taħriġ. Permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea, l-ETC tipprovdi appoġġ permezz ta’ learning support assistants, servizz ta’ trasport b’xejn u interpreti tal-lingwa tas-sinjali meta l-persuni b’diżabilità jkunu jeħtieġu dan.
L-ETC qed torganizza wkoll sessjonijiet ta’ taħriġ li jakkomodaw gruppi partikolari ta’ persuni b’diżabilità. B’hekk, dawn is-sessjonijiet ikunu speċifiċi għall-ħtiġijiet u d-diffikultajiet ta’ dawn il-gruppi. Grazzi għal ftehim ta’ tliet snin bejn l-ETC u l-Fondazzjoni Inspire, persuni b’diżabilità qegħdin ukoll jiġu riferuti mill-ETC sabiex jattendu għal taħriġ fi ħdan l-Inspire. Ħafna drabi, dan it-taħriġ qed iwassal ukoll għal job placements fil-Fondazzjoni. Dan qed iseħħ b’investiment ta’ €117,300 fis-sena. L-ETC toffri wkoll taħriġ informali permezz ta’ opportunitajiet li jesponu persuni b’diżabilità għad-dinja tax-xogħol. Dan isir permezz tal-Work Trial Scheme (proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea) u l-proġett Bridging the Gap.
Matul il-Work Trial Scheme, persuni b’diżabilità intellettwali iqattgħu 20 siegħa fil-ġimgħa fuq il-post tax-xogħol għal tlettax-il ġimgħa. Barra l-esperjenza li jiksbu matul dan il-perjodu, ikunu qed jirċievu wkoll allowance ta’ 50% tal-paga minima.
Min-naħa l-oħra, il-persuni b’diżabilità li jipparteċipaw fil-proġett Bridging the Gap jirċievu allowance ta’ 80% tal-paga minima għal ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol.
Permezz ta’ dan il-perjodu fuq il-post tax-xogħol, persuna b’diżabilità tkun tista’ titħarreġ u tikseb ħiliet oħra li jgħinuha sabiex issib xogħol wara l-placement.
Matul dawn l-aħħar xhur kelli ċ-ċans niltaqa’ wkoll ma’ diversi persuni b’diżabilità li kienu parti mill-progett Me2. Stajt ninnota fattur komuni fost ħafna minnhom - il-ħeġġa kbira li dawn jużaw il-ħiliet tagħhom u jissieħbu fid-dinja tax-xogħol.
Hekk kif wasalna fi tmiem ta’ dan il-progett nistghu b sodisfazzjon nghidu li l-miri mhux talli ntlahqu mma nqabzu. Intlaħqu ’fuq minn 430 persuna b’diżabilità minflok il-230 ippjanati. Dawn irċevew l-assistenza sabiex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta’ taħriġ u job exposures, u 20 minnhom kellhom ukoll iċ-ċans li jiksbu esperjenza ta’ xogħol fi Bristol. Dan kollu bl-għan li jtejbu l-prospetti tagħhom ta’ impjieg. Bla dubju kienet ta’ sfida lil kull min jaħdem fil-qasam tad-diżabilità, kif ukoll għal min iħaddem.
Wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huwa li ssaħħaħ l-inklużjoni ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali – inkluż diżabbiltà intellettwali - fl-iskejjel mainstream. Malta qiegħda fuq quddiem nett f’dan il-qasam b’0.3% biss tal-istudenti bi bżonnijiet speċjali li qegħdin jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skejjel segragati barra mill-mainstream. Il-medja tal-Unjoni Ewropea hi ta’ 2.3%.
Il-ħidma tal-Gvern fejn tidħol edukazzjoni inklussiva fil-mainstream qed tħalli l-frott tagħha partikolarment bl-investiment qawwi f’teknoloġija assistiva u assistenza permezz ta’ LSAs fl-iskejjel. Tajjeb li nsemmu li dawk l-istudenti li ma jistgħux ikunu fil-mainstream qegħdin jitgħallmu fiċ-ċentri tar-riżorsi li permezz tar-riforma li nedejna s-sena l-oħra, m’għadhomx jitqiesu bħala skejjel speċjali għax huma aktar iffukati fuq it-tagħlim skont l-abilitajiet tal-istudenti.
Hija prijorità tal-Gvern li minn età bikrija jiġu identifikati dawk it-tfal f’riskju li jibqgħu lura ħalli jingħataw l-għajnuna meħtieġa, speċjalment tfal b’diżabilità intellettwali.
Investejna bil-kbir fil-qasam taċ-Ċentri tal-Kura tat-Tfal u l-Kindergarten u ntroduċejna wkoll is-servizz tal-Early Intervention. Is-servizz tal-Early Intervention jara l-professjonisti tagħna, flimkien ma’ għalliema, jiġu saħansitra fid-djar tan-nies biex jagħtu servizz lit-tfal u lill-bqija tal-familja li għandha rwol importanti biex dan il-programm jirnexxi. Dan is-servizz huwa miftuħ għal kulħadd
Id-Dipartiment qed jagħti dan is-servizz lil madwar 600 tifel u tifla ta’ anqas minn ħames snin li għandhom diffikulta biex jikkomunikaw, oħrajn li jdumu biex jibdew jitkellmu, tfal bid-Down Syndrome, tfal bl-Awtiżmu, oħrajn b’diffikulta fl-imġieba jew ta’ attenzjoni u kif ukoll tfal b’diffikultajiet multipli fit-tagħlim. Għandna 2,029 Learning Support Assistant (LSA) li qegħdin joffru assistenza lil 3,231 tifel u tifla.
Daħħalna wkoll il-kunċett ta’ INCO (Inclusion Coordinator) fl-iskejjel biex jipprovdu s-sapport neċessarju fejn tidħol l-inklussività fl-edukazzjoni. 11-il INCO qegħdin jagħtu servizz fi skejjel primarji u 13-il trainee INCO jagħtu sapport fi skejjel sekondarji. Ingaġġajna Social and Emotional Behaviour Specialists, waqqafna nurture groups fl-iskejjel primarji għal tfal li għandhom diffikultajiet soċjali u emozzjonali; u learning support zones fl-iskejjel sekondarji. Twaqqaf l-Autism Spectrum Support Team li jgħin lil LSAs u l-iskejjel u ġie ffirmat ftehim bejn id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi u l-Assoċjazzjoni Persuni Neqsin mis-Smiegħ biex jipprovdu servizz ta’ interpreti ta’ sign language fl-iskejjel mainstream tal-Gvern, Knisja u dawk Indipendenti.
Id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja jaħdem sabiex jikkollabora ma’ entitatjiet u NGO’s li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità sabiex flimkien joffru korsijiet aċċessibbli lil dawn l-istudenti. Fost dawn l-assoċjazzjonijiet, hemm il-Foundation for Information and Technology Accessibility li fl-aħħar sena ġiet mgħejuna biex taghmel kors f’Malta u iehor f’Ghawdex fil-qasam tat-tagħlim tal-informatika lil persuni bi bżonnijiet speċjali.
Id-Dipartiment tat-Tagħlim Tul il-Ħajja joffri wkoll taħriġ bla ħlas fil-lingwa tas-sinjali. Għalkemm ħafna drabi l-istudenti ma jkunux persuni b’diżabilità, dan it-taħriġ jgħin persuni oħra sabiex jikkomunikaw aħjar ma’ persuni neqsin mis-smiegħ.
Bħala Gvern, qed naħdmu sabiex mil-ewwel ta’ Jannar 2013 ikun hemm reġistru wieħed ta’ persuni b’diżabilità sabiex persuni b’diżabilità jidhru quddiem bord wieħed sabiex jibbenefikaw mis-servizzi kollha intitolati għalihom. Din il-proċedura ġdida ta’ assessjar ser tnaqqas ħafna skariġġ għal persuni b’diżabilità hekk kif ser tħaffef il-proċedura u tiffaċilita l-aċċess ta’ persuni b’diżabilità għal servizzi li tabilħaqq għandhom bżonn.
Ħarisna wkoll lejn dawk il-familji li għandhom tfal b’diżabilità biex insaħħu l-appoġġ li jagħtihom il-Gvern permezz ta’ allowance fil-ġimgħa għal kull tifel jew tifla b’diżabilità. L-allowance għoliet minn €11.65 għal €16.31 fil-ġimgħa. Barra minn hekk neħħejna t-test tal-mezzi biex it-tfal kollha b’diżabilità jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna.
Sa qabel il-bagit għall-2012, persuna b'diżabilità eleġibbli għall-pensjoni tad-diżabilità setgħet taħdem u taqla’ biss id-differenza bejn il-pensjoni u l-paga minima. Minn din is-sena, persuni b’diżabilità li jirċievu pensjoni tad-diżabilità, se jkunu jistgħu jaħdmu u jaqilgħu sal-paga minima bla ma jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom. Ovvjament, dan m’għandux iservi ta’ inċentiv sabiex persuni b’diżabilità ma jidħlux fid-dinja tax-xogħol.
Barra minn hekk, fejn f’dawn l-aħħar ħames snin persuna li tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità li tiżżewweġ kienet tibqa’ tirċievi l-pensjoni matul l-ewwel ħames snin taż-żwieġ, issa ser inkunu qed inneħħu dan il-limitu ta’ żmien. Għalhekk, persuna li tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità severa li tiżżewweġ qatt mhi ser titlef dan il-benefiċċju u ser tibqa’ tibbenefika mil-pensjoni tad-diżabilità.
Fejn tidħol l-Awtorità tad-Djar qed inkomplu nirriservaw l-ewwel 10% tal-postijiet ġodda minn kull kategorija għal persuni b’diżabilità biex ngħinuhom ikunu aktar indipendenti.
Qed ikomplu għaddejjin l-iskemi biex il-persuni b’diżabilità jingħataw għajnuna finanzjarja sabiex isiru xogħlijiet ta’ titjib fid-djar tagħhom skont il-ħtiġijiet tad-diżabilità tagħhom. Qed jiġu installati iżjed lifts fi proprjetajiet tal-Gvern u tikber l-aċċessibbiltà għal persuni b’wheelchair.
Meta nitkellmu dwar l-inizjattivi li ttieħdu fil-qasam tad-diżabilità intellettwali, ma nistgħux ma nitkellmux dwar il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità li hija simbolu ta’ avvanz konsiderevoli fil-qasam tad-diżabilità minn mindu twaqqfet fl-1987. Fil-fatt, il-Kummissjoni Nazzjonali tista’ titqies bħala pijunier fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità, l-familji tagħhom u l-organizazzjonijiet volontarji involuti fis-settur tad-diżabilità.
L-inizjattivi favur il-persuna b’diżabbiltà intellettwali huma ħafna iżda xorta jifdal x’isir. Għalhekk okkażjoni bħal tal-lum hi importanti biex nieħdu nota ta’ fejn wasalna u ta’ fejn neħtieġu naslu.
Nirringrazzjakom.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en