INVESTIMENT TA’ MADWAR €5MILJUN FI PROĠETT TA’ RIĠENERAZZJONI FIŻ-ŻEWWIEQA
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni fl-inħawi taż-Żewwieqa huwa stmat li ser jiswa madwar €5miljun. 85% ta’ din l-ispiża ser tkun ko-finanzjata mill-Fond għal Żvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF) taħt il-Programm Operattiv 1, Politika ta’ Koeżjoni 2007 – 2013 filwaqt li l-15% l-oħra ser jintefqu minn fondi nazzjonali. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa marbut mal-objettivi tal-Ministeru għal Għawdex li jfittxu titjib kontinwu tal-prodott turistiku Għawdxi permezz tat-tisħiħ ta’ faċilitajiet eżistenti u żieda fl-attrazzjonijiet turistiċi li toffri l-gżira ta’ Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, dalgħodu għamlet żjara fuq il-post fejn setgħet ukoll issegwi x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa li jinkludu pavimentar tal-pjazza u l-inħawi fiż-żona qrib triq ix-xatt, bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ tul il-medda tal-proġett kif ukoll kontinwazzjoni tax-xogħlijiet fin-naħa fejn inbnew faċilitajiet sanitarji ġodda u parkeġġ li ser ikun jesa’ madwar 70 vettura.
Dan il-proġett estensiv ikopri madwar 18,000 metru kwadru ta’ art tul il-medda ta’ madwar 700 metru maġenb il-kosta. Periti u uffiċjali oħra li qed jaħdmu fuq dan il-proġett spjegaw kif ix-xogħol li sar sa issa kien wieħed intensiv li kien jinkludi skavar, kostruzzjoni tal-parkeġġ u faċilitajiet sanitarji kif ukoll lqugħ għall-ħażna tal-ilma tax-xita u ppjantar ta’ dik li ser tkun żona pedonali u rikreazzjoni għat-tgawdija ta’ dawk kollha li jżuru dawn l-inħawi. Ġiet ristrutturata l-pjazza li madwara hemm numru ta’ ristoranti u stabilimenti tax-xorb kif ukoll għadd ta’ garaxxijiet għall-użu tas-sajjieda li joperaw mill-port.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif dan il-proġett ser ikun qed jikkumplimenta proġetti li saru qabel, li kienu jinkludu fost l-oħrajn il-bini tat-terminal tal-Imġarr u l-bini mill-ġdid tat-triq mill-Imġarr sar-Rabat. Żiedet tgħid li ż-Żewwieqa Waterfront ser ikun qed jikkontribwixxi f’diversi aspetti soċjo-ekonomiċi u b’hekk jgħin ukoll biex jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli għal gżira ta’ Għawdex.
Ix-xogħlijiet marbuta maż-żona pedonali li tkopri l-medda tal-kosta f’dawn l-inħawi jinkludu l-ħolqien ta’ spazji speċifiċi minn fejn wieħed jista’ jieqaf u jgawdi l-veduti pittoreski tal-inħawi. Spazju partikolari ser jiġi riżervat biex tiġi esebita dik li hi l-unika dgħajsa tal-Latini li għad fadal f’Għawdex. Ix-xogħol li għad fadal jinkludi l-konklużjoni tax-xogħlijiet fil-parkeġġ u l-faċilitajiet sanitarji ġodda, il-pavimentar u bini ta’ ħitan tas-sejjiegħ tul iż-żona pedonali kif ukoll l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ dwal u għamara oħra tat-triq li jikkumplimentaw ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni estensiva li jinvolvi dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en