ATTIVITAJIET DIVERSI FL-OKKAŻJONI TA’ JUM GĦAWDEX
L-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex dalgħodu attenda ċ-ċerimonja kommemorattiva fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex li jfakkar il-214-il anniversarju mir-rebħa tal-Għawdxin immexxija mill-Arċipriet Saver Cassar, kontra l-Qawwiet Franċiżi.
Il-programm ikkoordinat mill-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali flimkien mal-Uffiċċju tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, kien jinkludi qari tal-poeżija kommemorattiva San Kalċidonju t’Għawdex, tal-poeta Għawdxi Anton Buttigieg u moqrija minn studenta mill-Iskola Sekondarja tal-Bniet fi ħdan il-Gozo College; preżentazzjoni ta’ ktieb kommemorattiv miktub mill-Kan. Agius de Soldanis lill-qarrejja tal-poeżija; kif ukoll kant tal-innu tal-kulleġġ ta’ Għawdex, innu lil Għawdex, innu lil Arċipriet Saverju Cassar u l-Innu Malti mill-Kor tal-Istudenti tar-Raba’ Sena mill-Iskola Primarja tar-Rabat taħt id-direzzjoni ta’ Mariella Spiteri Cefai. Dan il-grupp ta’ studenti kantaw ukoll il-kanzunetta bit-titlu ta’ Logħba li għandha kliem ta’ Joe Friggieri u mużika ta’Charles Camilleri.
L-Onor. Frederick Azzopardi wassal il-messaġġ tal-Onor. Giovanna Debono għal din l-okkażjoni li fost ħwejjeġ oħra ħeġġet lill-istudenti żgħar Għawdxin biex jagħrfu japprezzaw li jsiru jafu aktar dwar l-istorja u l-wirt storiku u kulturali tal-gżira ta’ Għawdex.
Il-programm ġie fi tmiemu bi tqegħid ta’ kuruni mal-Monument tal-Arċipriet Saver Cassar mill-Onor. Frederick Azzopardi, il-President tal-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali is-Sur Vincent Grech, il-President taċ-Circolo Gozitano Dr Alfred Grech u mil-Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex is-Sinjura Anita Sciberras.
Sadanittant, dalgħodu 160 student li jattendu skejjel primarji u sekondarji f’Għawdex ipparteċipaw fi żjajjar kulturali f’diversi mawriet f’siti ta’ importanza storika fir-Rabat Għawdex. Is-siti kienu jinkludu l-Monasteru ta’ Santu Wistin, il-Librerija Pubblika fil-Vajrinġa, il-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Kurja Veskovili, il-Mużew tal-Arkeoloġija u l-Mużew tal-Folklor fiċ-Ċittadella, il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunvent tas-Sorijiet Franġiskani, il-Banca Giuratale u l-Knisja Katidrali. Dan fl-isfond ta’impenn li jkattar l-għarfien u jippromwovi l-wirt storiku Għawdxi fost studenti żgħar f’Għawdex.
L-attivitajiet fl-okkażjoni ta’ Jum Għawdex jissoktaw b’taħdita pubblika minn Rosabelle Carabott dwar De Soldanis, l-esploratur tal-ilsien Malti, li bħalissa qed jitfakkar it-tielet ċentinarju mit-twelid tiegħu. It-taħdita ser tinżamm fil-foyer tal-Banca Giuratale fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat illum il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru fis-6.30 p.m.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025