Left arrow Go Back

FOND GĦALL-IŻVILUPP TA’ LOGĦOB DIĠITALI

pr2355
Date Icon 26/10/2012

Fond ta’ €150,000 bl-għan li jħajjar l-iżvilupp ta’ logħob diġitali f’pajjiżna tnieda llum mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, Tonio Fenech u mill-Ministru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent, Mario De Marco f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. L-iskop ewlieni ta’ dan il-Fond huwa li jħajjar aktar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ logħob diġitali kif ukoll biex jitqajjem aktar għarfien dwar l-opportunitajiet kbar li dan is-settur jista’ joffri f’termini ta’ investiment u xogħol f’pajjiżna.

Il-Ministru Mario De Marco qal li dan il-fond jingħaqad ma’ diversi inizjattivi oħra li nieda l-Gvern fl-aħħar snin biex isaħħaħ l-ekonomija tal-kreattivita’. Fost dawn hemm il-Malta Arts Fund, il-Malta Film Fund, il-Premju tal-President għall-Kreattivita’, l-Culture Card u l-programm KREATTIV għall-istudenti u l-INVEX għall-organizazzjonijiet kulturali.

Mario de Marco spjega li t-twaqqif ta’ dan il-fond jikkumplimenta wkoll l-proposti tal-abbozz tal-istrateġija tal-kreattivita’ li tisħaq fuq l-investiment fit-tisħiħ tat-talent lokali, l-ħiliet u l-intrapriżi kif ukoll fit-tisħiħ  tal-pożizzjoni ta' Malta bħala ċentru kreattiv li jiġbed l-investiment barrani.

Il-Ministru de Marco qal li s-settur kulturali u kreattiv joffri potenzjal għat-tisħiħ tal-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi. Hu fakkar li dan is-settur bħalissa jiġġenera 4% tal-Prodott Gross Domestiku u jimpjega madwar 8000 persuna fit-3600 intrapriża. Mario de Marco qal ukoll li l-Gvern qed jinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ fis-setturi kulturali u kreattivi. Hu sostna li l-industrija tal-logħob diġitali teħtieġ għadd ta’ ħiliet differenti u qed toħloq impjiegi interessanti għal designers, programmers, kittieba, mużicisti, artisti, intraprendituri u managers, fost oħrajn Hu saħaq li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jinvesti fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin, fit-talent lokali u fl-edukazzjoni biex pajjiżna jibqa’ kompettitiv u jgawdi mill-potenzjal li qed toffri l-ekonomija tal-kreattivita’.

Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech qal li “fl-istrateġija tiegħu li jattira aktar investiment u postijiet tax-xogħol, il-Gvern qed iħares lejn l-iżvilupp tas-settur tad-digital gaming bħala qasam li joffri opportunitajiet kbar ta’ tkabbir. It-teknoloġija toffri ħafna opportunitajiet fil-qasam tad-digital gaming, minn logħob tal-kompjuter tradizzjonali, iżda wkoll logħob elettroniku online, logħob fuq il-mobile phones, logħob fuq is-siti ta’ social networking, u oħrajn. Il-proċess ta’ żvilupp ta’ logħba jinvolvi grupp ta’ nies b’firxa differenti ta’ kapaċitajiet – minn story writer, artisti, programmers, persuni b’kapaċitajiet fit-teknoloġija tal-informatika, u oħrajn.”

Malta diġà qed tara stejjer ta’ suċċess f’dan is-settur fosthom TRC Entertainment, li attirat lejn Malta persuni rinomati f’dan is-settur u diġà qed tħaddem mal-100 persuna. Il-Ministru qal li l-Gvern qed jaħdem fuq l-estensjoni ta’ skema tal-highly qualified individuals għal dan is-settur, skema li kienet oriġinarjament applikabbli fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u l-gaming, biex din tiġi estiża għal game directors u game designers proprju bl-għan biex niffaċilitaw it-trasferiment ta’ għarfien u kapital lejn pajjiżna. 

Fakkar ukoll li aktar kmieni dan ix-xahar, tħabbar  investiment ieħor ta’ nofs miljun ewro fis-sena għal tliet snin fiż-żgħażagħ tagħna f’dak li huwa Programm ta’ Scholarships (bl-isem STAR) miftuħ proprju għas-settur tad-Digital Gaming, fejn student jista’ jgawdi minn għajnuna sa 6,000 ewro għal kors tiegħu.

L-applikazzjonijiet jiftħu llum u jagħlqu fil-25 ta’ Jannar 2013. Fil-ġimgħat li ġejjin se jsiru laqgħat ta’ informazzjoni bi tħejjija għall-proċess ta’ applikazzjoni, li se jinkludu wkoll coaching minn esperti internazzjonali fis-settur. L-għażla se ssir minn kumitat ta’ evalwazzjoni li  se jkun magħmul minn grupp ta’ esperti f’dan il-qasam Aktar tagħrif jista’ jinkiseb fuq digitalgamesfund.gov.mt digitalgamesfund@gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Il-Ministru Silvio Schembri jniedi t-tieni Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali fil-ftuħ tat-Tech Xpo

PR262025

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow