KONFERENZA NAZZJONALI DWAR IL-QAFAS TAL-KURRIKULU NAZZJONALI
Lejn edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina, fetħet uffiċjalment Konferenza ta’ jumejn ‘Lejn Edukazzjoni ta’ Kwalità għal Kulħadd’, li se tiddiskuti d-dokument konsultattiv dwar il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (l-NCF). Qed imexxi din l-Konferenza Dr James Calleja, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.
Din il-Konferenza hija l-qofol ta’ proċess konsultattiv ta’ sitt xhur, mal-istudenti, l-għalliema, il-ġenituri, is-socjetà ċivili u l-pubbliku in ġenerali. Dan il-proċess ilu għaddej minn Mejju tal-2011 u jagħlaq formalment fl-aħħar ta’ din is-sena. Il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa kruċjali għas-suċċess tal-qafas aġġornat tal-kurrikulu nazzjonali.
L-istrateġija ta’ konsultazzjoni ġiet imfassla bil-għan li tinkoraġġixxi diskussjoni u dibattitu li jħeġġeġ lill-imsieħba kollha biex iqisu d-dokument b’mod pożittiv u jipparteċipaw b’mod attiv fil-formulazzjoni tal-verżjoni finali. L-għan ta’ din il-Konferenza hu li ġġib flimkien lill-imsieħba soċjali kollha biex jisimgħu u jiddiskutu flimkien il-kummenti u s-suġġerimenti li daħlu s’issa mill-komponenti varji tal-proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-Prof. Grace Grima, Direttur Ġenerali fid-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u Chairperson tal-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kurrikulu għamlet diskors dwar il-proposti tal-NCF u l-kummenti li daħlu s’issa dwarhom.
Il-qalba tal-Konferenza kienet sitt Panels ta’ diskussjoni dwar temi ċentrali misluta mill-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. It-temi magħżula kienu:
- Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u x’se jiġi mgħallem
- Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u l-Istrutturi tal-Iskejjel
- Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali biex it-tfal kollha jirnexxu
- Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u l-Assessjar
- Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali, it-tkomplija tal-istudju u x-xogħol
- Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u l-ġejjieni ta’ pajjiżna
Kull Panel kellu numru ta’ kelliema distinti u moderatur, meħuda minn medda wiesa’ tas-soċjetà ċivili u mill-qasam tal-edukazzjoni.
Indirizzaw ukoll il-Konferenza Evarist Bartolo, Kelliem Ewlieni tal-Partit Laburista dwar l-Edukazzjoni, Mario Mallia, kelliem ewlieni dwar l-Edukazzjoni għall-Alternattiva Demokratika, u Kevin Bonello, President tal-Union tal-Għalliema.
Il-Ministru Cristina ħabbret li se jitwaqqaf grupp biex jagħmel rapport dwar il-Lingwa tat-Tagħlim u li kif jintemm iż-żmien ta’ konsultazzjoni fi tmiem din is-sena, il-grupp ta’ ħidma jirrevedi l-NCF proposti fid-dawl tar-reazzjonijiet li jkun irċieva, u d-dokument finali jitressaq fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla. Il-Ministru Cristina ħabbret ukoll li dan il-process ta’ tirqim aħħari għandu jinvolvi wkoll lill-imsieħba li huma direttament involuti fl-implimentazzjoni tal-NCF, fosthom l-MUT.
(Diskors Mehmuż) -
pr2355a.doc
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en