362 GĦALLIEMA JIRĊIEVU L-WARRANT
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina qassmet il-Warrants lil 362 għalliem li ħafna minnhom huma ġodda u għamlu perjodu ta’ taħriġ fit-tagħlim u llum qed jgħallmu fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja jew f’dawk Indipendenti.
F’kelmtejn lill-għalliema, il-Ministru Dolores Cristina qalet li din kienet okkażjoni ta’ ferħ u fakkret li kien fl-1987 li l-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien, il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici kien indirizza lill-għalliema kollha u ħabbrilhom li l-Għalliem issa sar Professjonist u għalhekk kien jinħtieġ warrant biex jeżerċita l-professjoni tiegħu bħal professjonisti oħra.
Il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni ta’ uliedna. It-Teknoloġija moderna wkoll qed tispikka fl-iskejjel tagħna u din hija sfida li l-għalliema qed jilqgħu fl-aħjar interess tal-istudenti li huma fdati lilhom. Iżda fuq kollox il-Gvern qed jinvesti fl-għalliema nfushom u fl-iżvilupp professjonali tagħhom.
Dan kollu qed isir għax il-Gvern jemmen bis-sħiħ li dan l-investiment jgħin biex ikunu żviluppati l-kapaċitajiet tal-istudenti li mbagħad jikkontribwixxu biex ikollna soċjetà mibnija fuq l-għerf. Dan għandu jgħin biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem f’dan iż-żmien ta’ sfidi kbar li nazzjonijiet ferm akbar minnha mhux qed jirnexxielhom jegħlbuhom.
Ir-riżorsa umana hija waħda mill-kolonni prinċipali ta’ pajjiżna u l-għalliema qed ikunu fdati biex dik ir-riżorsa jkomplu jtejbuha biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem. Pajjiżna m’għandux riżorsi naturali oħra u allura rridu nassiguraw li din ir-riżorsa tkun imsawra b’mod li l-pajjiż ikompli jsib nies kompetenti u mħarrġa fil-professjonijiet kollha.
L-Għalliema jridu jgħinu biex ikun iffurmat il-karattru tal-istudenti li jgħaddu minn taħt idejhom u allura jridu jaqdu dmirhom konxjenzjożament biex pajjiżna jkollu ċittadini kapaċi, ġenwini u ta’ integrità li fil-futur qrib ikunu huma li qed joffru servizz lil oħrajn, hi x’ihni l-professjoni li jagħżlu.
“Studji juru li hija l-kwalità tas-sistema edukattiv ta’ pajjiż li tinfluwenza t-tkabbir ekonomiku. Għalhekk hu importanti ħafna li l-kwalità u l-livelli għoljin fl-edukazzjoni jkunu mħarsa u mtejba jekk irridu nassiguraw li jkollna futur ekonomiku sostenibbli. Intom bħala għalliema tridu tassiguraw li mhux biss nibqgħu nżommu l-istandards li diġà lħaqna, imma li nkomplu nibnu fuqhom bl-iskop li jibqa’ jkollna sistema edukattiv tal-ogħla kwalità”, sostniet il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Biex jintlaħqu dawn il-miri kulħadd irid jagħti s-sehem tiegħu. Il-Gvern billi jinvesti fis-sistema edukattiva u jfassal politika li toħloq ambjent fertili biex il-qasam edukattiv ikompli jiżviluppa. L-istituzzjonijiet edukattivi billi jħarrġu nies – f’dan il-każ għalliema – li jkunu kapaċi jwasslu lill-istudenti biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom. L-unions li filwaqt li jħarsu l-interessi tal-membri tagħhom, jikkollaboraw mal-awtoritajiet biex nassiguraw li l-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem.
Il-Ministru Cristina qalet li l-Gvern qed joffri l-għajnuna neċessarja permezz ta’ programmi edukattivi varji u flessibbli biex kemm jista’ jkun jilħaq il-ħtiġijiet tal-istudenti kollha skont l-abbiltajiet tagħhom. Iżda fattur l-aktar importanti biex it-tfal jirnexxu lkoll jibqgħu l-għalliema. Il-mod kif l-għalliem jibni r-rapport mal-istudenti, joffrilhom gwida u jedukahom huwa kruċjali.
Il-Ministru sostniet li lkoll irridu nżommu f’moħħna li kull student kapaċi jitgħallem. “Dan hu l-prinċipju li għandu jiggwidana l-ħin kollu meta nkunu fil-klassi mal-istudenti. Dak kollu li ngħidu u nagħmlu fil-klassi hu xhieda ta’ kemm aħna nieħdu ħsieb l-istudent u li permezz t’hekk l-istudent ikun ispirat biex jemmen fih innifsu u jipprova jkun aħjar milli hu. Din hija l-isfida li ta’ kuljum għandna quddiemna. Kelma waħda biss ta’ kuraġġ fil-ħin opportun, meta l-istudent verament ikollu bżonnha, tista’ timmottiva student biex jipprova u jerġa’ jipprova sakemm jibda jikseb suċċess żgħir, wieħed wara l-ieħor, li fl-aħħar isawru fih dik il-kunfidenza li jkollu bżonn biex jikseb suċċessi tul il-ħajja tiegħu”.
Għalhekk, l-għalliem għandu jfittex l-opportunitajiet kollha biex ikun hu li juri u jqabbad it-triq tas-suċċess lill-istudent. Ta’ dan ikollu s-sodisfazzjon aktar ’l quddiem, meta wara snin li jkun telaq mill-bank tal-iskola, l-istudent jiltaqa’ miegħu meta jkun beda jagħmel karriera u jirringrazzjah ta’ dak li jkun għamel miegħu fi ċkunitu. Irridu nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kull student fdat fir-responsabbiltà tagħna.
Illum fl-iskejjel l-għalliema mhux se jkunu weħidhom. Fl-aħħar xhur kienu impjegati numru ta’ professjonisti bħal psikologi, career advisors, youth workers li flimkien mal-Learning Support Assistants qegħdin fl-iskejjel biex jgħinu lill-għalliema fil-qadi ta’ dmirijiethom u jkunu ta’ spalla għall-istudenti li jiġu bżonn is-servizzi tagħhom.
L-istudenti jkunu mal-għalliema u josservawhom għal ħinijiet twal, mhux biss waqt li jkunu fil-klassi tagħhom iżda wkoll f’ħinijiet oħra tal-ġurnata, kemm fl-iskola kif ukoll barra mill-iskola. It-tfal josservaw sew kif jitkellmu u kif jaġixxu mal-kollegi tagħhom. Josservaw ukoll kif jilbsu, u kif iġibu ruħhom. Iħarsu lejhom bħala ċittadini mudell u jqisuhom bħala role models. Għalhekk l-eżempju li jagħtu l-għalliema lill-istudenti hu importanti ħafna.
Għażiltu professjoni li għandha influwenza sinifikattiva fuq il-ħajja tat-tfal. Studju li sar identifika sitt fatturi li jinfluwenzaw lill-istudent: l-istudent inniffsu, id-dar, l-iskola, il-kap tal-iskola, il-ħbieb u l-għalliem.
L-istudju wera li l-istudent inniffsu għandu 50% effett fuq dak li jista’ jwettaq. Dan kien segwit bl-għalliem li għandu 30% effett fuq l-istudent. Id-dar taffettwa bejn 5-10% u l-istess il-ħbieb. Dan ifisser li l-għalliem l-aktar li għandu effett fuq l-istudent u għalhekk inħeġġiġkom biex dan iżżommuh il-ħin kollu f’moħħkom.
Wieħed għalliem darba kien ikkwotat li qal “I touch the future: I teach”. U hekk hu. L-għalliema għandhom il-futur ta’ uliedna f’idejhom.
Il-Ministru Dolores Cristina awgurat lil dawn l-għalliema suċċess fil-karriera tagħhom u li jirnexxielhom bil-ħidma tagħhom jagħmlu differenza fil-ħajja tal-istudenti fdati lilhom.
Waqt iċ-ċerimonja li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli, saru dikorsi minn James Calleja, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, minn Dr. Edward Camilleri, Chairman tal-Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema u l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Is-serata kienet imżewqa b’interventi mużikali minn Doreen Micallef, akkumpanjata minn Domnic Micallef li interpretaw tliet poeżiji tal-poeta nazzjonali Dun Karm li l-mużika għalihom inkitbet minn Domnic Brincat innifsu.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025