DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL, FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TAL-MALTA GOVERNMENT SCHOLARSHIPS’ SCHEME – POSTGRADUATE SCHEME U L-ISCHOLARSHIPS TAĦT L-ISKEMA STEPS - ĊENTRU TAL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, VALLETTA - IT
Onor. Prim Ministru,
Onor Kollegi,
Sinjuri,
Illum inġbarna għal darb’oħra f’din is-sala biex naraw t-twettiq ta’ deċiżjoni oħra għaqlija tal-Gvern fil-politika tiegħu dwar l-investiment fl-edukazzjoni u fix-xogħol.
Wieħed mit-timbri li se jikkaratterizzaw din il-leġislatura hu appuntu dan l-investiment li għamilna fil-għoti tal-ischolarships. Kien fl-2006 li bdiet titwettaq il-viżjoni tal-Gvern li jinvesti fiż-żgħażagħ u l-adulti biex aktar nies ikomplu jispeċjaliżżaw ħalli jkollna ħaddiema aktar mħarrġa u nibdew nagħmlu riċerka biex ikollna prodott aħjar. Imma kien mill-2008 sal-lum li għamilna l-akbar investiemnti u ħloqna opportunitajiet li qatt qabel ma kellna.
Is-suċċess tal-ischolarships huwa wkoll riżultat ta’ deċiżjoni oħra għaqlija tal-Gvern: dik li nwessgħu l-opportunitajiet fl-Universita ta’ Malta. Iż-żgħażagħ tagħna ma setgħux imorru għall-Masters u d-Dottorat li kieku bqajna ma ftaħnix beraħ il-bibien tal-Universita u m’għamilnix l-investiment meħtieġ fiha. Għalhekk il-pass naturali kien li noħolqu l-opportunitajiet biex l-istudenti tagħna jkomplu għall-Masters u għad-Dottorati f’Malta stess.
Jekk inħares lura matul din il-leġislatura biss, se nkunu tajna b’kollox dawn il-Boroż ta’ Studju:
205 għal Dottorat; u
883 għal Masters.
Dawn jammontaw għal 1,088, f’din il-leġislatura biss.
Jekk kellna nieħdu mill-2006 ’l hawn, allura nkunu tajna 1,167 borża ta’ studju. Dawn l-ischolarships ser inkunu tajnihom taħt żewġ skemi li biddlu kompletament ix-xenarju f’dan il-qasam, jiġifieri il-Malta Government Scholarship Scheme (MGSS) u Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS). F’dawn iż-żewġ skemi biss se nkunu għamilna investiment ta’ kważi €14-il miljun.
Fattur interessanti hu li 55% ta’ dawk li ħadu l-ischolarship huma nisa, turija ċara li n-nisa qed joħorġu wkoll biex ikomplu jispeċjaliżżaw biex jilgħabu parti mportanti fid-dinja tax-xogħol f’dak li hu għerf u ħiliet li jieħdu magħhom.
Kif wieħed jistenna, numru sostanzjali ta’ dawk li ħadu l-ischolarship huma żgħażagħ li lestew l-ewwel degree u qed ikomplu bl-ispeċjaliżżazzjoni tagħhom. Minn dawk li ħadu l-ischolarship matul din il-leġislatura, 73% għandhom 25 sena jew anqas.
Imma hu ta’ sodisfazzjon li nnutajna li hemm 24% ta’ dawk li ħadu scholarship li huma bejn is-26 u l-40 sena. Dan ifisser li persuni li wisq probabbli diġa għandhom impjieg għarfu dawn l-opportunitajiet, iridu jkomplu jispeċjaliżżaw biex bl-għerf u l-ħiliet ġodda li jakkwistaw jagħmlu l-post tax-xogħol tagħhom aktar kompetittiv.
Hemm 3% oħra li ħadu scholsrship u għandhom ’l fuq minn 40 sena. Forsi hawnhekk hi l-isfida tal-futur fejn irridu nħajru aktar nies f’din l-age bracket biex ikomplu bit-taħriġ speċjaliżżat. M’aħnix aħna biss li rridu negħlbu din l-isfida.
Huwa b’inizjattivi bħal dawn li nistgħu nkomplu nkattru l-ġid, negħlbu l-isfidi tal-kompetittivita f’ekonomija globalizzata u nkomplu ngħollu l-kwalità tal-ħajja tas-soċjeta tagħna.
Ir-riżultati li aktar nisa qed jipparteċipaw u aktar nies mid-dinja tax-xogħol qed jirrikorru għal aktar speċjaliżżazzjoni, ma waslux b’kumbinazzjoni. Huwa riżultat ta’ politika għaqlija fejn minbarra ħlas biex jitħallsu l-miżati ta’ tagħlim u dawk li jissejħu bench fees, daħħalna ukoll pakkett ta’ family friendly measures – jiġifieri l-ischolarships għall studju full-time inkludew ukoll għajnuna finanzjarja lil min hu miżżewweġ u lil min għandu t-tfal. Meta sirt Ministru tal-Edukazzjoni, neħħejt anke r-restrizzjoni li l-ischolarships jingħataw lil min irid jistudja fuq bażi full-time biss. Il-fatt, li persuna tista’ tieħu scholarship billi tistudja part-time jew permezz ta’ distance learning għen biex aktar nisa, aktar irġiel, aktar persuni li għandhom impjieg ikunu jistgħu jkomplu jispeċjalizzaw.
Huwa ta’ sodisfazzjoni nara li l-ischolarships ħaduhom nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex. Nieħdu gost ninnutaw li 8% l-ischolarships marru għand Għawdxin – ftit aktar minn wieħed minn kull 13-il scholarship.
Anke dan ir-riżultat ma kienx b’kumbinazzjoni. Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja kien qed jorganiżża tlett laqgħat pubbliċi f’Għawdex kull sena f’dawn l-aħħar tliet snin biex jinforma lil kulmin hu nteressat b’dawn l-opportunitajiet.
Għalkemm illum qed niċċelebraw l-għoti ta’ scholarships tal-MGSS u STEPS, irrid infakkar li f’din il-leġislatura daħħalna wkoll skemi mmirati biex ikollna aktar speċjaliżżazzjoni f’oqsma ta’ priorità għal pajjiżna.
Irridu ekonomija kreattiva u allura għamilna il-Malta Arts Scholarships fejn fi tlett snin tajna 36 scholarship b’investiment ta’ €650,000.
Irridu nkunu aktar kompetittivi fil-qasam sportiv u nagħtu spinta lit-turiżmu sportiv. Għalhekk wellidna l-iSports Scholarships. Din is-sena tajna 14-il scholarship b’investiment ta’ €100,000.
Għandna oqsma li saru vitali għall-ekonomija tagħna, bħall-qasam tal-ICT u s-servizzi finanzjarji. Biex insostnuhom u nkomplu nkunu kompetittivi, ħloqna skema bl-isem ta’ Success to Achieve Results – STAR. Din l-iskema għandha ssaħħaħ l-opportunitajiet li diġa noffru anke fil-qasam undergraduate, permezz tal-MGSS-Undergraduate li matul din il-leġislatura ser inkunu tajna 600 scholarship.
Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-investiment tal-ischolarships anke minħabba l-multiplier effect li dawn għandhom. Apparti li bil-fatti qed inkattru soċjetà mibnija fuq l-għerf – knowledge society – element fundamentali f’ekonomija globaliżżata li qegħda tittrasforma kemm l-ekonomiji kif ukoll is-soċjetajiet, irridu nifmhu li qed isiru investimenti oħra diretti u ndiretti.
Mal-40% ta’ dawn l-ischolarships marru għand studenti li jridu jkomplu l-istudju tagħhom fl-Universita ta’ Malta. Għalhekk, dawn l-ischolarships taw opportunità addizzjonali biex jinfetħu korsijiet ġodda u jsir aktar investiment fil-korsijiet u fil-qasam tar-riċerka.
Dawk l-istudneti li siefru u marru f’universitajiet barranin qed joħolqu networking ma’ persuni li għada pitgħada jistgħu jkunu l-mexxejja fid-diversi oqsma tagħhom. Dan huwa wkoll investiment li l-frott tiegħu irridu naqtugħ fis-snin li ġejjin.
Irrid naqsam magħkom is-sodisfazzjon tiegħi meta nara li dawn l-istudenti li ġew mogħtija scholarship qed jiksbu riżultati eċċezzjonali. Ninsab infurmata li ftit aktar minn terz li marru jagħmlu Masters akkwistaw ‘Distinction’ minn Universitajiet ta’ fama mondjali. Kummenti oħra sbieħ huma mgħoddija fuq min qed jagħmel dottorat. Wieħed jieħu gost jara b’mod konsistenti kummenti bħal “li kien ta’ unur għalina li dan l-istudent għamel ir-riċerka tiegħu fl-Università tagħna.”
L-oqsma li qed jeċċellaw iż-żgħażagħ tagħna ħadd ma kien joħlom bihom sa ftit tas-snin ilu, fosthom:
Environmental Economics
Heath Economics
Language & Communication Impairment in Children
Digital Forensics
Nanotechnolgy
Art Psychotherapy
Climate Change Policy
Pharmaceutical Technology & Quality System
Voice Pathology
Soil Mechnaism
Surgery Polymer Therapeutics
U tant oqsma oħra. Illejla, waqt l-għoti taċ-ċertitifkati tibdew tisimgħu d-diversi speċjalitajiet li dawn l-Awardees sejrin jispeċjaliżżaw fihom u tibdew tinnutaw kemm dawn ser jagħmlu lil pajjiżna aktar għani.
Investejna fl-undergraduate. Investejna fil-Masters. Investejna fid-Dottorati. Ma nistgħux nieqfu hawn. L-għerf u l-kisba tiegħu ma tieqafx hawn. Il-pass li jmiss hu li niftħu l-opportunitajiet għal lil hinn – jiġifieri għal Post-Doctoral Degrees.
Irridu lkoll nifmhu li fis-sitwazzjoni ekonomika mondjali, ħaddieħor qed inaqqas l-investiment fl-edukazzjoni u jgħolli l-miżati tat-tagħlim. Bl-għaqal tagħna, l-Gvern żied l-investiment fl-edukazzjoni u flok ġew magħluqa l-bibien tal-università, ftaħnihom beraħ, tajna l-istipendju u fuq kollox ħloqna l-opportunitajiet kbar għall-postgraduate studies. Ir-riċerka trid tkompli, speċjalment fl-oqsma ta’ priorità għall-pajjiż. Peremzz tal-Post-Doctoral Scholarships, inkunu nistgħu mmorru għal riċerka li hi ground-breaking, biex inkattru l-innovazzjoni u nsaħħu l-kompetittività ekonomika tagħna.
Din hi l-viżjoni li għandu dan il-Gvern – viżjoni li nilħqu l-eċċellenza.
Jiena nawgura lil kull min ħa scholarship. Nawguralkom suċċess fl-istudju tagħkom.
Other Press Releases:
PR262025en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR262025