AKTAR INVESTIMENT B’RISQ L-ISTUDENTI GĦAWDXIN FL-ISKOLA SEKONDARJA TAS-SUBIEN
“Minbarra x-xogħlijiet fl-iskejjel kollha madwar Għawdex, li jsiru kull sena matul ix-xhur tas-sajf, il-Ministeru għal Għawdex jinvesti wkoll b’mod kontinwu f’apparat u faċilitajiet oħra bil-għan li jtejbu dejjem aktar is-servizzi li jingħataw lill-istudenti Għawdxin.” Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, meta dalgħodu żaret l-Iskola Sekondarja tas-Subien f’Victoria fejn din is-sena qed jattendu madwar 600 student.
Mal-bidu ta’ din is-sena skolastika bdew jintużaw 33 graphical communication board li tqassmu fi tlett klassijiet li jintużaw mill-istudenti waqt il-lezzjonijiet tal-Komunikazzjoni Grafika. Fl-istess waqt beda jintuża wkoll apparat speċjali li jiffaċilita t-tagħlim għal student bi problemi fil-viżta. Din is-sistema tinvolvi l-użu ta’ laptop u kamera żgħira li jitpoġġew fuq id-desk. Permezz tagħhom l-istudent ikun jista’ jsegwi l-lezzjoni billi t-tipi żgħar tal-kotba jiġu trasmessi mill-kamera għal fuq il-laptop fejn il-kitba tidher b’tipa akbar.
L-Onor. Giovanna Debono qalet li dan huwa investiment essenzjali li jkompli jsaħħaħ is-sistema ta’ edukazzjoni inklużiva fl-iskejjel tagħna filwaqt li jtejjeb wkoll il-faċilitajiet offruti lill-istudenti. Hija spjegat kif permezz ta’ dawn il-boards, l-istudenti tal-Komunikazzjoni Grafika ser jiffrankaw milli jġorru magħhom din il-board mid-dar, u b’hekk jiffrankaw it-toqol żejjed. Uriet sodisfazzjon fir-rigward tal-ħidma offruta mill-għalliema u edukaturi oħra li joffru s-servizzi tagħhom b’risq studenti żvantaġġati u b’hekk jassiguraw li kulħadd jingħata l-istess opportunitajiet biex verament ħadd ma jibqa’ lura.
Waqt waqfa f’wieħed mill-computer labs li għandha din l-iskola, il-Ministru Debono setgħet issegwi parti mix-xogħol li qed isir fil-proċess biex jiġi ristrutturat is-sit elettroniku ta’ din l-iskola. Is-surmast spjega kif id-disinni u x-xogħol twettqu jew qed jitwettqu minn għalliema fl-istess skola.
Filwaqt li faħħret l-impenn u l-inizjattivi ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam edukattiv f’Għawdex, hija fissret kif il-Ministeru għal Għawdex isostni din il-ħidma b’għajnuna u proġetti li jkomplu jsaħħu l-istrutturi u l-faċilitajiet f’dawn l-iskejjel. Hija semmiet fost l-oħrajn il-proġett Alter Aqua li qed jiġi koordinat mill-Global Water Partnership flimkien mal-Ministeru għal Għawdex, li permezz tiegħu qed jinbnew ġibjuni għall-ħażna tal-ilma tax-xita ġodda u jiġu msewwija oħrajn qodma f’diversi skejjel tal-Gvern f’Għawdex. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett, il-potenzjal tal-ħażna tal-ilma f’dawn l-iskejjel ser jiżdied b’madwar 900 metru kubu.
Matul din is-sena akkademika, il-qasam edukattiv f’Għawdex huwa impenjat biex jipprovdi edukazzjoni lil madwar 5,000 student, fosthom 2,222 f’livell primarju; 1,756 f’livell sekondarju; 540 fiċ-Ċentru għall-Studji Ogħla Sir M. A. Refalo, 260 fl-istituti tal-MCAST fix-Xagħra u x-Xewkija u 70 student fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala. Barra minhekk madwar 150 persuna oħra qed isegwu korsijiet fil-Kampus tal-Università f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en