Left arrow Go Back

IMĦABBRA BIDLIET RADIKALI FIL-ĦRUG TA’ LIĊENZJI TAN-NEGOZJU LI SER IFISSRU TNAQQIS TA’ BUROKRAZIJA, AKTAR FLESSIBILITÀ U EFFIĊJENZA

pr2239
Date Icon 12/10/2012

"Dan huwa Gvern li jrid  ikompli jagħmel il-ħajja tan-negozji dejjem aktar sempliċi u faċli". Dan qalu dalgħodu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, f’konferenza stampa li fiha ħabbar miżuri radikali ġodda għal ħruġ ta’ liċenzji tan-negozji. Preżenti wkoll kien hemm is-Sur Paul Abela f’isem l-GRTU u s-Sur Kevin Borg f’isem il-Kamra tal-Kummerċ, li mill-bidu kienu favur u appoġġaw l-Gvern għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

B’seħħ mill-1 ta’ Novembru li ġej min ikun se jiftaħ negozju ġdid (li ma jinvolvix ikel jew saħħa), mhux se jkollu aktar għalfejn japplika għall-liċenzja mid-Dipartiment tal-Kummerċ, iżda wara li jġib il-permess tal-MEPA, sid in-negozju jrid biss jinforma lid-Dipartiment tal-Kummerċ permezz ta’ notifka li se jibda negozju ġdid.

Din il-bidla tippermetti wkoll li s-sid tan-negozju jkun jista’ jinforma lid-dipartiment anke sa 30 ġurnata minn meta jkun beda l-attivita kummerċjali tiegħu. B’hekk wieħed se jkun qed jiffranka ħafna ġiri u ħela ta’ ħin żejjed. Il-Ministru Azzopardi qal li qed ikun stmat li 80 % tal-attivitajiet kummerċjali ġodda  se jkunu qed jibbenefikaw minn din is-simplifikazzjoni.

Regola ġdida oħra li biha se tkun qed tonqos ħafna burokrzija żejda, hija li  meta wieħed jiftaħ post kummerċjali ġdid, għalkemm xorta jibqa obbligat li jġib il-permess neċessarju  mill-MEPA , mhux se jkollu bzonn jissottometti kopja ċertifikata tal-permess tal-MEPA u lanqas kopja tal-floor plan tal-bini kummerċjali kif inhu l-każ sal-llum. Wieħed se jkollu bżonn biss jipprovdi n-numru tal-permess tal-ippjanar maħrug mill-MEPA. Se jkun hemm ukoll proċessar eħfef tal-ħlas li jintalab għall-liċenja fil-bidu tal-proċess.B’hekk in-negozjant ma jkollux bżonn jerġa’ jiġi kkuntattjat qabel toħrog il-liċenzja. Dan se jkun qed ifisser iffrankar ta’ ħin.

Il-Ministru Azzopardi qal li permezz ta’ dawn il-bidliet, il-Gvern qed juri kemm jimpurtah minn dan is-settur u huwa mpenjat li joffri l-aħjar lin-negozji Maltin u Għawdxin. Kompla billi qal li l-Gvern ma juzax kliem sabiħ u jwiegħed dak li ma jistax iwettaq, iżda bil-fatti qed jagħmel il-ħajja tan-negozji aktar faċli b’inqas red tape."Irridu nħallukom taħdmu bl-aħjar għodda, bl-aħjar skemi u f'ekonomija b'saħħitha", sostna Azzopardi. "Din hi l-politika tal-Gvern preżenti u hekk se nkomplu nagħmlu għax hekk jixraqilhom in-negozji", saħaq Azzopardi.

Miżura importanti oħra hija r-roħs f’ċertu licenzji tal-kummerċ. Il-ħlas ta’ liċenzja ta’ post kummerċjali li jiġi utilizzat għall-manifattura, mhux ser jibqa’jiġi kkalkulat skond il-valur tal-kera imma se jibda jiġi kkalkulat skond il-footprint, l-istess kif inhu provdut għall-postijiet kummerċjali oħra. F’postijiet li jokkupaw spazju totali ta’ inqas minn 200m², wieħed se jkun qed iħallas €70 mentri u f’każ li wiehed jokkupa spazju aktar minn 800m², dan se jkun qed iħallas massimu ta’ € 1000. L-emendi jipprovdu li jekk dak li kien jitħallas qabel kien irħas, l-irħas ammont jgħodd.

Barra minhekk, il-ħlas tal-liċenzja  għal  postijiet kummerċjali  b’footprint ta’ ‘l fuq minn 800m2 li qabel ukoll  kien jiġi ikalkulat skond valur tal-kera  u jibda  b ‘minimu ta’ €1,164  mingħajr limitu, qed jiġi  stabilit  bħala massimu ta’ €1,000 biss. Dan isarraf fi gwadann ta’ €164 fuq il-minimu attwali u jista’ jservi ta’ gwadann t’iktar minnhekk jekk l-individwu kien qieghed iħallas iktar minħabba li qabel  ma kienx hemm massimu.

F’dak li jirrigwardja l-ikkanċellar ta’ licenzji, sa issa il-ħlas tal-liċenzji kummerċjali kien dovut sad-data tal-kanċellazzjoni tal-liċenzja u dan kien ikun irrilevanti jekk tkunx għaddejja attività kummerċjali jew le. L-emendi l-ġodda se jipprovdu fost l-oħrajn li d-Direttur tal-Kummerċ se jkun jista’ jikkanċella liċenzji li l-pagament tagħhom ma jkunx tħallas għal erba’ snin konsekuttivi, filwaqt li l-pagamenti annwali se jkunu obbligatorji sad-data tat-terminu tal-operat biss u mhux sad-data tal-kanċellazzjoni kif kienet l-liġi sal-llum. Dan ifisser li sid in-negozju se jkun qed jiffranka ħafna flus u spejjeż żejda.

Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi qal li din hija turjia oħra ta’ bidla għall-aħjar sabiex il-Gvern preżenti jagħmel il-ħajja tan-negozji Maltin u Għawdxin aktar faċli u sempliċi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT  Disa’ persuni b’diżabilità jiksbu ħiliet ġodda għal aktar indipendenza u opportunitajiet ta’ xogħol

PR262022

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Mediterranean Tourism Foundation meets the Speaker of the House of Representatives Carmelo Abela

PR262021en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Mediterranean Tourism Found...

More Press Releases Right arrow