IS-SEBA’ SKEMA TA’ SCHOLARSHIPS IMNEDIJA MILL-GVERN
Matul dawn l-aħħar snin il-Gvern ta’ aktar minn 2000 scholarship b’investiment ta’ €19 miljun biex aktar Maltin u Għawdxin, partikolarment żgħażagħ ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw u jispeċjaliżżaw f’oqsma li huma importanti għall-ekonomija tal-pajjiż, permezz ta’ sitt skemi differenti ta’ Boroż ta’ Studju kemm fil-livell tal-ewwel degree kif ukoll fil-livelli ta’ Masters u Dottorat. Barra minn dan, 1,900 persuna oħra ibbenefikaw mill-iskema My Potential u bejniethom ħadu €7 miljun fi tnaqqis mit-taxxa biex irkupraw l-ispejjeż li għamlu biex komplew jistudjaw.
Dan ħabbruħ il-Ministri Dolores Cristina u Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha niedew is-seba’ skema ta’ scholarships mill-Gvern magħrufa bħala Scholarships to Achieve Results (STAR).
Il-Ministru Cristina qalet li din l-iskema ta’ hi iffukata lejn min irid jikseb l-ewwel degree jew ċertifikazzjoni oħra ta’ Livell 6 fil-qafas tal-kwalifiki Maltin, fl-oqsma speċifiċi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni b’mod speċjali fil-qasam tal-Computer Games Design (u suġġetti relatati bħalma huma Programming għall-Computer Games, Sound, Animation, Design etc) u Servizzi Finanzjarji (u suġġetti marbuta magħhom bħalma huma Ekonomija, Mathematics, Banking u Accounting).
F’din l-iskema il-Gvern se jivvota €500,000 kull sena, għal tliet snin – jiġifieri total ta’ €1.5 miljun - għal Boroż ta’ Studju lil studenti li jridu jistudjaw dawn is-suġġetti f’istituzzjonijiet privati rikonoxxuti, ta’ edukazzjoni għolja u avvanzata f’Malta fuq bażi full time.
L-iskema se toffri għajnuna finanzjarja sa’ massimu ta’ €6000 kull sena lil kull student li jirbaħ l-ischolarship għal massimu ta’ tliet snin u flimkien ma’ dan, l-istudent ikun eliġibbli wkoll għall-Borża ta’ Studju taħt l-iskema tal-Undergraduate Scholarship Scheme.
Wieħed jista’ jara r-regolamenti u formola tal-applikazzjoni – li diġa’ jinsabu miftuħa, mis-sit elettroniku www.myscholarship.gov.mt
Qegħdin niffukaw fuq dawn l-oqsma partikolari għax l-esperjenza u l-istudji qed juruna li dawn iż-żewġ oqsma huma u se jibqgħu jkunu kruċjali fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna. Dawn huma oqsma li jiggarantixxu liż-żgħażagħ tagħna impjiegi imħallsa tajjeb ħafna u jekk ikollna nies imħarrġa f’dawn l-oqsma speċjalizzati pajjiżna jkun kapaċi jiġbed aktar investiment barrani u lokali.
Il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech spjega kif dawn l-ischolarships qed jingħataw biex aktar żgħażagħ ikunu megħjuna jkomplu jistudjaw f’żewġ setturi li qed joffru bosta opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin, il-Qasam tas-Servizzi Finanzjarji u s-Settur tad-Digital Gaming.
“Jekk inħarsu lejn is-settur tas-servizzi finanzjarji, dan illum qed jipprovdi aktar minn 12,000 impjieg – li jvarjaw f’jobs f’banek, ma’ kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-management ta’ funds, management ta’ investimenti, u oħrajn. Min-naħa l-oħra s-settur tad-digital gaming huwa realtà aktar riċenti li l-Gvern ukoll qed jinvesti fih, u li diġà qed iħalli l-frott tiegħu.”
Filwaqt li qal li l-kumpanija TRC Family Entertainment, li qed tiżviluppa logħba diġitali diġà tħaddem 100 persuna, huwa ħabbar li bħalissa qed jiġu kkunsidrati mal-10 proġetti oħra ta’ investimenti potenzjali f’dan is-settur.”
Il-Ministru Fenech fakkar lil dawk iż-żgħażagħ li ma jirnexxielhomx jiksbu waħda mill-ischolarships disponibbli, li jekk iħallsu għall-edukazzjoni tagħhom jistgħu jieħdu lura l-investiment tagħhom, sa €20,000 permezz tal-iskema Get Qualified. Minn din l-iskema, diġà gawdew madwar 1,900 żgħażugħ li qed jiffrankaw €7 miljun mit-taxxa
Din hi s-Seba’ Skema ta’ Scholarships li nidejna fl-aħħar snin. Dawn kienu:
STEPS: Investiment ta’ €10 miljun fl-aħħar 4 snin. Total ta’ 885 Borża ta’ Studju li 85 minnhom iwasslu għal Dottorat u 800 għal Masters
MGSS: Investiment ta’ €3.7 miljun fuq medda ta’ 6 snin. Total ta’ 252 Borża ta’ Studju li minnhom 146 wasslu għal Dottorat u 169 għal Masters.
Arts Scholarships: Investiment ta’ €648,000 f’sentejn. Ingħataw 36 Borża ta’ Studju.
Sports Scholarships: Investiment ta’ €100,000 fl-ewwel sena u tajna 14-il Borża ta’ Studju.
MGSS Undergraduate: Investiment ta’ €2.4 miljun f’ħames snin. Ingħataw 622 Borża ta’ Studju.
Training Subsidy Scheme –Academic: Din skema offruta mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Fl-ewwel sena b’investiment ta’ €1 miljun ingħataw 144 Borża ta’ Studju.
Training Subsidy Scheme – MCAST: B’din l-iskema, l-MCAST investa €820,000 u tajna 70 Borża ta’ Studju oħra.
Dan ifisser li fl-aħħar sitt snin, il-Gvern investa €18.7 miljuni u ta 2023 Borża ta’ Studju f’livelli differenti, fosthom 231 għal Dottorat u 969 għal Masters.
Bl-iskema li qed inniedu llum qed ninvestu €500,000 kull sena għal perjodu ta’ tliet snin li bihom jistgħu jibbenefikaw madwar 80 student ieħor kull sena.
Other Press Releases:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en