IL-GRUPP UNIVERSITARJI GĦAWDXIN ISAĦĦAĦ L-IMPENN TIEGĦU B’RISQ STUDENTI GĦAWDXIN F’MALTA
Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) għal darba oħra waqqaf u qed imexxi wieħed mill-istands li ġew ippreparati biex jagħtu informazzjoni u għajnuna oħra lil studenti li minn din is-sena ser jibdew korsijiet fl-Universita’ ta’ Malta.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex itaqgħet mal-istudenti membri tal-kumitat ta’ tmexxija ta’ din l-għaqda fi żjara li għamlet fuq il-Kampus tal-Universita’ ta’ Malta, waqt l-attività mtellgħa tul il-Freshers’ Week, fil-bidu ta’ sena akkademika oħra. Hija ġiet milqugħa wkoll minn-membri tal-Kunsill Studenti Universitarji kif ukoll minn uffiċċjali mir-rettorat tal-Universita’.
Din is-sena l-GUG qed tfakkar egħluq il-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-impenn tad-diversi kumitati li komplew bil-ħidma ta’ din il-għaqda b’riżq studenti Għawdxin li komplew bl-istudji terzjarji tagħhom tul dawn is-snin. Hija qablet ukoll mad-deċiżjoni li ħa l-kumitat preżenti biex jestendi s-servizzi ta din l-għaqda lil studenti Għawdxin oħrajn li qed ikomplu bl-istudji f’istituzzjonijiet vokazzjonali bħal l-MCAST u l-ITS f’Malta. ‘Dan jirrifletti wkoll l-iżvilupp li sar f’dawn l-aħħar snin fis-sistema edukattiva f’pajjiżna li qed twessgħa l-opportunitajiet ta’ tagħlim fil-livell terzjarju u vokazzjonli,’ qalet il-Ministru Debono. Hija kompliet tfisser kif iż-żgħażagħ Għawdxin flimkien mall-familji tagħhom qed jagħrfu jipparteċipaw f’dawn l-opportunitjaiet fejn fl-aħħar għaxar snin ġiet irreġistrat żieda kostanti fin-numru ta’ studenti li komplew bl-istudji tagħhom f’Malta, b’aktar minn 1000 student li jattendi korsijiet Universitarji u madwar 200 oħra fl-MCAST u l-ITS.
Filwaqt li ħeġġet lil dawn l-istudenti biex jagħrfu jgħixu dan iż-żmien tal-istudji tagħhom f’Malta bħala esperjenza pożittiva li tkabbar fihom s-sens ta’ responsabilita’, fissret kif il-Ministeru għal Għawdex isostni l-impenn tal-GUG biex b’hekk ikunu jistgħu jitnaqqsu d-diffikultajiet li dawn l-istudenti jiltaqgħu magħhom. ‘Żvilupp importanti f’dan ir-rigward kienet iż-żieda fl-għajnuna addizzjonali li dawn l-istudenti bdew jirċievu minn Jannar li għadda’ żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono. Minbarra l-istipendju li jingħata lil kull student fuq bażi nazzjonali, l-istudenti Għawdxin f’Malta jibbenefikaw ukoll minn skema ta’ għajnuna koordinata mill-Ministeru għal Għawdex fejn kull student jirċievi €400 kull tlett xhur li tirriżulta f’għajnuna addizzjonali ta’ €1200 kull sena akkademika.
Din is-sena fuq l-istand tal-GUG fil-Kampus tal-Università kien hemm ukoll studenti rappreżentanti tal-MCAST u tal-ITS. Minn fuq din l-istand, wieħed seta’ jikseb ukoll pubblikazzjonijiet tal-Ministeru għal Għawdex relatati mal-proġett ekoGħawdex u l-kalendarju kulturali li jinkorpora l-attivitajiet kulturali kollha li ser jittellgħu fil-gżira Għawdxija matul ix-xahar ta’ Ottubru. II-Ministru Debono esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li mal-ftuħ ta’ din is-sena akkademika l-GUG irċeviet applikazzjonijiet minn madwar 300 membru ġdid filwaqt li ħeġġet lir-rappreżentanti ta’ dawn l-istudenti biex jissoktaw bil-ħidma tagħhom b’risq l-istudenti sħabhom.
Other Press Releases:
PR262022
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Disa’ persuni b’...
PR262021en