BEJN L-21 U L-22 TA’ SETTEMBRU F’ĦAL QORMI SE JITTELLGĦU L-FESTIVAL TAL-ĦOBŻ U LEJL F’CASAL FORNARO 2012
Il-Gvern dejjem ta l-appoġġ tiegħu lill-għaqdiet biex itellgħu attivitajiet kulturali u din is-sena reġa’ daħal bi sħab mal-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi biex jgħin fl-organizzazzjoni ta’ Lejl f’Casal Fornaro, attività li daħlet fil-kalendarju kulturali tal-Maltin u l-Għawdxin li matulha eluf ta’ persuni jżuru l-Belt ta’ Ħal Qormi. Hekk saħaq l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ingħataw dettalji dwar din l-attività.
Puli sostna li dan l-avveniment huwa wieħed mill-attivitajiet li qed jibbenefika mill-iskema tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. Huwa qal li il-Gvern hu impenjat biex jgħin sabiex jittellgħu aktar attivitajiet bħal dawn għaliex jemmen li dawn l-attivitajiet ikomplu jsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna u fl-istess waqt jgħinu biex ikompli jinbena sens ta’ komunita’. Huwa qal li permezz skema tal-Gvern fl-aħħar 4 snin il-Gvern investa mal-miljun ewro biex ikunu jistgħu jitellgħu 222 attività kulturali.
Dan apparti t-turija ta’ impenn li qed juri l-Gvern bid-devoluzzjoni ta’ artijiet fosthom xelters tal-Gwerra lill-għaqdiet tal-lokalitajiet fosthom f’Ħal Qormi biex ikunu jistgħu jintużaw f’attivitajiet bħal dawn, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Qal ukoll li l-involviment taż-żgħażagħ f’kumitati, u f’għaqdiet u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-komunità tikkorrispondi mal-politika tal-Gvern li permezz tal-programmi ta’ empowerment minn Aġenzija Żgħażagħ jgħati aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Simon Falzon, wieħed mill-organizzaturi ta’ Casal Fornaro li ta dettalji dwar l-attività. Hu qal li Casal Fornaro kienet waħda mill-ewwel attivitajiet kulturali li bdew jiġu organizzati madwar Malta u Għawdex, bl-ewwel edizzjoni fl-2007. Bla dubju, l-attrazzjonijiet ewlenin se jkunu d-diversi palkijiet, li kull wieħed joffri drama, għana, brass bands, marċi mill-baned Maltin, u wirjiet minn kantanti stabbiliti u talent lokali.
Għar-raba' sena konsekuttiva, ix-xelter ta’ taħt l-Għassa tal-Pulizija, se jerġa’ jkun għall-wiri flimkien ma’ xelter ieħor fi Triq San Pawl li għadda lis-Soċjetà Filarmonika b’titlu aktar kmieni din is-sena. Barra minn hekk ser ikun hemm wirja ta’ vetturi militari u vetturi klassiċi.
Għalkemm din l-attività hija organizzata miż-żgħażagħ tal-lokal, fiha tinkorpora l-parteċipazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ għaqdiet li jvarjaw minn dawk mużikali kif ukoll kollezzjonisti, sportivi u pirotekniċi.
Għal dan l-avveniment ġew mistiedna l-baned kollha ta’ Malta u Għawdex biex flimkien jingħaqdu f'Mass Band fl-okkażjoni tal 150 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika Pinto.
Fost l-attrazzjonijiet ta’ din is-sena nsibu, Mitħna life-size miksija bil-ħobz, Sienja tal-għaġna, Abbozzi ta’ artisti Maltin fosthom tal-istatwa titulari ta’ San Sebastjan u inkwadru kbir maħdum mill-ismid. Ser ikun hemm wkoll żewġ żoni ddedikati għall-ikel tradizzjonali Malti. Żona fejn wieħed isib minn kull tip ta’ ħobż tradizzjonali u oħra ddedikata għall-ħelu tradizzjonali fosthom pudina tal-ħobż kbira.
Propju fis-Sena Ewropea ta' Anzjanità Attiva u Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet waqt din l-attività, numru sabiħ ta’ anzjani jesibixxu x-xogħol tagħhom bħal dak bl-arkett, ganutell, bizzilla u xogħol tas-suf fost oħrajn. B’dan il-mod, din l-attività organizzata miż-żgħażagħ, isservi wkoll sabiex toħloq kuxjenza dwar kemm l-anzjani għandhom x'jgħallmu lis-soċjetà.
Lejlet Lejl f'Casal Fornaro, jiġifieri fil-21 ta' Settembru se jsir il-ħdax-il edizzjoni tal-Festival tal-Ħobż. Dan il-Festival ser ikollu diversi attrazjonijiet fosthom bezzun tal-Malti twil 100 metru li l-qliegħ tiegħu ser imur għall-Istrina u diversi furnara minn pajjiżi differenti, fosthom mill Italja, Eġittu Danimarka u Sqallija. Għal din l-edizzjoni tal-Festival tal-Ħobż fost il-mistednin ser ikun hemm il-kantanta Qormija Mikaela flimkien mal-band tagħha u kunċert mill-band popolari Airport Impressions.
Barra minnhekk matul din l-edizzjoni tal-Festa tal-Ħobż għat-tielet sena konsekuttiva qed terġa’ tiġi organizzata kompetizzjoni din id-darba ta’ ħobża tradizzjonali Maltija u jew ħobż ħelu (fruit tea bread) magħmula fid-dar u li għandha tinħema f’loaf tin.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll Nenu Debono mill-kumpanija Maypole u s-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar li tat l-appoġġ tal-Kunsill Lokali lill-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi fl-organizzazzjoni ta’ din l-attività.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020