STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Mixi b’ritmu tajjeb ir-restawr fuq il-Kappella tal-Vitorja f’ Ħal Qormi – 14-il-kapella restawrata fl-aħħar snin.
Bħala parti mill-programm ta’ restawr fil-qalba tal-komunitajiet biex ikun priservat il-wirt storiku ta’ pajjiżna, id-Direttorat tar-Restawr fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali għaddej b’xogħol interessanti fuq il-Kappella tal-Vitorja f’ Ħal Qormi. Fil-fatt bħalissa tlestiet il-parti ta’ fuq tal-kampnar li kellha ħsarat kbar filwaqt li qiegħed jitkompla l-kumplament tal-kampnar u nbeda x-xogħol fuq il-faċċata ta’ quddiem.
Waqt żjara fuq il-post tax-xogħol, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino rringrazzja lill-ħaddiema li qed jagħmlu xogħol tajjeb ta’ restawr, filwaqt li qal li x-xogħol ta’ ħila tagħhom huwa investiment fil-passat għall-futur. Il-Ministru Pullicino qal li dan ix-xogħol jorbot mal-kullana ta’ proġetti simili li twettqu fl-aħħar snin fejn diġà ġew irrestawrati 14-il-Kapella u tmien proġetti ta’ restawr ta’ statwi, niċeċ u pitturi li jinsabu mxerrda fi gżiritna.
Il-Perit Jean Frendo mid-Direttorat tar-Restawr spjega li qabel inbeda x-xogħol tar-restawr, kellu jsir studju sabiex ikunu identifikati l-ħsarat u anke x’tip ta’ interventi kienu meħtieġa li jsiru. Il-ħsara identifikata saret mill-elementi naturali bħalma huwa tfarfir u imluħa fil-ġebla Maltija u anke swidija, kif ukoll ħsarat ikkaġunati minn granpuni u ħadid li kien imsammar ma’ l-istess ġebel tal-faċċata. Għalkemm ma kienx jidher li kien hemm wisq gebel nieqes fuq il-faċċati tal-kappella madankollu kien hemm numru ta’ fatturi li qed jagħmlu ħsara lill-kappella fosthom tikħil bis-siment u żebgħa, ħmieġ u patina bijoloġika, kif ukoll il-kundizzjoni tal-ġebla, is-saqaf u l-aperturi li kienu jinħtieġu intervent fl-immedjat.
Il-parti ta’ fuq tal-kampnar kellha bżonn li titnaddaf sew mill-patina bijologika u sewda li kellha. Kien hemm ukoll partijiet tal-ġebel neqsin bħal per eżempju l-parti ta’ fuq nett fejn kien hemm imwaħħal pinnur tal-ħadid li saddad u qasam il-ġebla. Il-lavur nieqes reġa’ inħadem mill-ġdid fuq il-post billi l-ewwel inqatgħu l-partijiet tal-lavur li kienu kompletament immermrin u tqiegħed fil-post ġebel ġdid. Qed titwahhal ukoll sistema ta’ protezzjoni mill-ħamiem biex tipprotegi l-partijiet restawrati ġodda.
L-Kappella tal-Vitorja, li tagħmel mal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, hu maħsub li nbniet jew fl-1657 jew fl-1686 minflok knisja oħra li kienet iddedikata lill-Assunta.
Fl-1886, inbena l-arloġġ li hemm fil-kampnar minn Michelangelo Sapiano filwaqt li l-erba’ qniepen inħaddmu minn Ġulju Cauchi fl-istess perjodu li nħadem l-arloġġ. Fuq ġewwa tal-kappella wieħed isib l-artal titulari bil-pittura ta’ Santa Anna u San Gwakkin bil-Madonna bħala tarbija li hu mifhum li ħarġet minn idejn Ġiuseppe Calì lura fis-sena 1890. Mal-ġnub tal-artal maġġur, il-Kapella hi mżejna b’erba’ artali oħra, filwaqt li l-istatwa tal-Madonna bħala tarbija inġabet fil-kappella fl-1942 mill-prokuratur ta’ dak iż-żmien Ġorġ Casha.
Ix-xogħol ta’ restawr fuq din il-kapella għandu jitlesta sa tmiem din is-sena.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020