Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR JOE CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA, WAQT IN-NATIONAL LIBYA LESSONS LEARNT WORKSHOP 2012, ĠEWWA L-LUKANDA EXCELSIOR, IL-FURJANA – IL-ĦAMIS, 13 TA’ SETTEMBRU 2012

pr1988
Date Icon 13/09/2012

Onorevoli Prim Ministru,

Viċi Prim Ministru,

Ħbieb,

Persważ li lkoll naqblu li dak li għamilna bħala pajjiż mal-poplu Libjan kien pożittiv.  Naturalment illum faċli nitkellmu dwar dan, iżda jekk tiftakru żew, iż-żmien meta ttieħdu deċiżjonijiet li jien ngħid kienu vitali għal dak li seħħ fil-Libja, kien żmien differenti immens. Naturalment jien se nitkellem fuq il-qasam tas-saħħa biss. Irrid nirringrazzja pubblikament lil Carm Mifsud Bonnici li ikkoordina l eżerċizzju sħiħ.

Fi Frar kelli l-pjaċir nilqa’ Malta l-Ministru Libjan għas-Saħħa, Fatma Hamroush.  Niftakar ċar dak li hekk kif iltqajna,  mill-ewwel irrimirkat li l-poplu Malti għen lill dak Libjan mingħajr ma kien hemm bżonn ta’ talba formali għall-għajnuna.  Qaltli li Malta kienet viċin il-polplu Libjan b’metodi differenti, iżda fuq kollox Malta kienet hemm f’mumenti fejn ir-ribelli kienu għadhom lanqas biss daħlu Tripli. Inthom għentu biex pajjiż, u ġenerazzjonijiet sħaħ ikollhom futur aħjar.

Ikolli ngħid li dak kien mument li mhux se ninsih malajr.

Mhux se ninsa wkoll l-ewwel ammont ta’ pazjenti li kienu ġew ikkurati hawn Malta.  Niftakar kien nhar lejlet l-Indipendenza tas-sena li għaddiet u fl-ajruport kienet għaddejja ħidma intensiva...paramediċi, tobba, infermiera, ambulanzi, pulizija, suldati, membri tal-protezzjoni ċivili...ħidma kkoordinata biex nilqgħu fostna numru ta persuni li kellhom ġrieħi serji li ġarrbu matul il-ġlied.

Ħassejt li kelli inkun hemm. 

Nammetti li xejn ma ppreparani għal dak li rajt.  Niftakar ċar l-ajruplan militari tal-forzi armati tal-Qatar mimli apparat mediku biex iservi ta’ għajnuna lill dawk il-persuni.  Kont naf li d-deċiżjoni li ħadna kienet waħda tajba, iżda dak kien il-mument tal-konferma.  B’ammirazzjoni kbira rajt lil dan it-team massiv ta nies, jaħdem flimkien għal ġid ta’ persuni li sa ftit tas-siegħat qabel kienu b’saħħithom.

Dakinhar attivajna dak li aħna nsejħu Critical Event Procedures, li huma serje ta’ pjanijiet ta’ kif jaħdmu s-servizzi tas-saħħa f’każ ta’ emerġenza li tinvolvi numru kbir ta’ nies.  It-taħriġ li jsir matul is-sena serva biex kulħadd kien f’postu fil-mument opportun.  Għal ħafna minnha kienet l-ewwel darba li rajna s-servizzi tas-saħħa jużaw dawn il-pjanijiet f’operazzjoni li ma kienetx ta taħriġ.

B’wiċċi minn quddiem ikolli ngħid li kollox mexa bħal ma kien ippjanat, mingħajr ma affetwajna il-ħidma jew il-pazjenti fl-iSptar Mater Dei. Din minnha nnifisha kienet esperjenza utli, partikolarment meta wieħed jikkunsidra li mill-lat mediku konna qed noffru kura intensiva għall-ġrieħi li f’pajjiżna mhumiex komuni, bullet wounds, shell wounds, u oħrajn. 

Biss, irrid nerġa’ ngħid li, dakinhar l-aktar li spikka kien it-teamwork li kien hemm. Matul dak il-lejl stess wieħed mill-paramediċi qalli “qatt daqs illum ma ħassejtni li jien kburi li jien Malti...”

Matul ix-xhur ta wara ġew aktar pazjenti.  Naturalment matul dan il-perjodi saru laqgħat mit-tmexxija tal-isptar biex nanalizzaw kif ħdimna u fejn stajna morna aħjar, u kull rapport li sar ikkonkluda li l-preparazzjoni u t-taħriġ għall eventwalitajiet bħall dawn kien kruċjali biex l-operazzjoni rnexxiet.    Il-kollaborazzjoni li saret mal-privat ukoll kienet kruċjali.

U dan kollu ssarraf f’nies ħajjin, li forsi li kieku ma kienx għall-għajnuna li ngħatat mis-servizzi tas-saħħa Maltin, ma kienx ikollhom futur.   Mhux kollox ward u żgħar, kellna nies li mietu, kellna anke l-istorja ta qsim il-qalb ta tifla li mietet hawn.  Biss, anke f’mumenti diffiċli bħal dawn, aħna nistgħu inħarsu lura u ngħidu li tassew għamilna li stajna. 

Illum jien konvint li, minn dak li rajna f’dawk ix-xhur,  f’mumenti ta’ prova, kulħadd se jkun iffukat fuq il-pazjent...u li s-sistemi tagħna jaħdmu.

Ftit tax-xhur wara, bħala Ministeru għas-Saħħa iffirmajna memorandum of understanding mal-Ministeru għas-Saħħa Libjan.  Dan sar wara laqgħat ta’ analiżi u diskussjoni, fejn ġie konluż ftehim li permezz tiegħu ż-żewġ pajjiżi se jgħinu lil xulxin f’aspetti bħall-żvilupp ta’ servizzi u taħriġ.

Ninsab fiduċjuż li dan il-ftehim se jwassal għal diversi ċirkostanzi favorevoli għaż-żewġ pajjiżi.  Il-working committee li ġiet stabilita immedjatament wara l-ftehim qed taħdem lejn dan ir-riżultat.  Naturalment kollha kemm aħna nafu li għad hemm diversi sfidi li għad irid jiġu megħluba...imma dan hu bidu pożittiv.

Ħbieb, illum qed ngħixu f’dinja li twasslilna minnufih dak li qiegħed iseħħ madwarna.  Il-bieraħ stess, ixxukjajna rwieħna bl-aħbar tal-mewt tal-Ambaxxatur Amerikan għal Libja u persuni oħra. 

Aħbarijiet koroh li ma jwasslu għal xejn pożittiv.  Iżda ilkoll nafu li l-aħbarijiet pożittivi rari jispiċċaw rappurtati.  Il-Mezzi tax-xandit tista tgħid għexu il-Libja matul il-kunflitt, imma mbagħad  intilef l-interess ...

U din lezzjoni oħra.  Dak li insegwu fil-mezzi tax-xandir huwa biss parti mir-realta. Dawk ir-ribelli li rajna ma kinux biss nies qed jisparaw, imma kienu nies qed jaspiraw lejn futur aħjar.

Ir-realta hi li kien hemm professuri, b’karrieri promettenti, b’xogħolijiet fi sptarijiet fl-Ewropa, li telqu kollox u marru jgħinu biex pajjiżhom jagħmel qabża ’l quddiem...

Ir-realta kienet li kien hemm studenti li telqu kollox u marru jaqbdu azzarin.

U dawn huma l-istess professuri li llum qed jikkuraw lill-pazjenti fl-isptarijiet Libjani, l-istess studenti li qed itemmu l-istudji tagħhom....fl-istess pajjiż li qed iqum fuq saqajh.

Għandna nkunu kburin li aħna wkoll tajna sehem biex dan seta jseħħ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS  Malta and Germany discuss European security and closer bilateral cooperation

PR262020en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

PR262020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Ġer...

More Press Releases Right arrow