Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-GĦOTI TAL-BOROŻ TA’ STUDJU TAL-ARTI, FIS-SALA TAL-AMBAXXATURI, IL-BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA – L-ERBGĦA, 12 TA’ SETTEMBRU 2012

pr1984
Date Icon 13/09/2012

Mistednin Distinti,

Studenti,

Ġenituri,

Sinjuri,

L-okkażjoni tal-lum hija waħda speċjali.  Illum, 12-il student u studenta ngħataw scholarship biex jispeċjalizzaw f’oqsma differenti tal-arti. L-ideat, il-kreattività, u l-enerġija tagħkom iż-żgħażagħ se tiġi msarrfa f’ħiliet u opportunitajiet sabiex tiżviluppaw it-talenti tagħkom u tiftħu karrieri u bibien ġodda.  Minn qalbi nawguralkom.  Ningħaqad mas-sentimenti ta’ sodisfazzjon li jħossu wkoll dawk li huma qrib tagħkom, il-ġenituri, il-partners tagħkom, ħutkom u l-ħbieb tagħkom.  Bħala missier, għaddejt mill-esperjenza meta rajt lill-uliedi jistudjaw. Naf x’qed iħossu dawk ta’ madwarkom.

Filwaqt li ningħaqad mas-sodisfazzjon tagħkom, ħsiebi jmur ukoll fuq żgħażagħ oħrajn li xtaqu li jkunu magħkom illum, iżda mhux qegħdin hawn għaliex ma ħadux scholarship.  Dawn iż-żgħażagħ m’għandhomx jaqtgħu qalbhom. L-impenn tagħna hu li bħalma ftaħna beraħ u żidna l-opportunitajiet ta’ studju fil-livell post sekondarju, hekk ukoll se nkomplu naħdmu biex aktar żgħażagħ igawdu minn scholarships.  Irridu li wliedna jirnexxu lkoll.  Se nkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni.

L-investiment tal-Gvern fl-edukazzjoni, f’kull wieħed u waħda minnkom, huwa xhieda tal-impenn tagħna biex nagħtu l-għodda kollha meħtieġa biex kull żagħżugħ u żagħżugħa jilħqu l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tagħhom.

Iva, il-messaġġ ta’ dan il-Gvern liż-żgħażagħ huwa li rridukom toħolmu u tkunu ambizzjużi.

Għalhekk qed ninvestu fl-istituzzjonijiet edukattivi tagħna biex aktar studenti jkomplu jistudjaw wara s-sekondarja. Kif smajna fil-feature, illum, aktar minn 80% tal-istudenti Maltin u Għawdxin qegħdin ikomplu jistudjaw wara l-iskola sekondarja, meta fl-1998, 43% biss tal-istudenti kienu jkomplu jistudjaw.  Aktar importanti min-numri u l-istatistika, għalina huma importanti l-ulied, it-tfal u ż-żgħażagħ li komplew bl-istudji.

Għalhekk qed ninvestu fl-istipendji u frixnihom aktar biex jgħinu liż-żgħażagħ ikomplu bl-istudji. Mhux biss, iżda żgħażagħ li ġejjin minn familji b’diffikultà qed nagħtuhom stipendju ogħla minn ħaddieħor. Illum, 18,600 student u studenta qegħdin jieħdu stipendju biex ikomplu jistudjaw fl-ITS, fl-MCAST, fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi, fil-Junior College u fl-Università.

Fl-2006, il-Gvern nieda skemi li jagħtu boroż ta’ studju lill-istudenti. Fl-2006 ngħata bidu bil-Malta Government Scholarship Scheme fil-livelli ta’ Masters jew Dottorat, biex sena wara din l-iskema nfirxet għal-livell ta’ baċċelerat ukoll. Fl-2008 ħadna d-deċiżjoni strateġika li ninvestu €10 miljun mill-fondi li ksibna bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea fl-iskema STEPS.  L-għażla li għamilna li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea qed insarrfuha f’inizjattivi għall-istudenti u għaż-żgħażagħ ukoll.

Sentejn ilu, ħadna deċiżjoni oħra, dik li nibdew nagħtu boroż ta’ studju mmirati għall-oqsma differenti tal-arti. Din hija t-tielet darba li qegħdin nagħtu boroż ta’ studju tal-arti. B’kollox, 35 student komplew jispeċjalizzaw f’varjetà kbira ta’ arti, żfin, teatru, disinn u grafika, u mużika fost oħrajn. Dan għamilnih għaliex ħadna d-deċiżjoni strateġika li nistimulaw l-industrija kreattiva f’pajjiżna.

Din is-sena, għażilna li nkomplu nifirxu l-boroż ta’ studju għal settur ieħor ta’ importanza għal pajjiżna: dak tal-isport. Għall-ewwel darba, il-Gvern qed jinvesti biex 14-il żagħżugħ u żagħżugħa jispeċjalizzaw f’oqsma differenti tal-isport. Dan biex pajjiżna jagħmel il-qabża ta’ kwalità fil-qasam sportiv ukoll.

Sa issa diġà tajna 1,842 borża ta’ studju lill-istudenti Maltin u Għawdxin.

Dan għamilnih għaliex nemmnu fil-potenzjal taż-żgħażagħ. L-aspirazzjonijiet u l-ħolm taż-żgħażagħ huma bħal xrara li bl-għożża u bl-appoġġ issir ħuġġieġa.

Il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jinvesti fiż-żgħażagħ għax l-ispeċjalizzazzjoni u l-kreattività taż-żgħażagħ tiġġenera l-ideat innovattivi u toħloq ukoll il-postijiet tax-xogħol.

L-għoti ta’ boroż ta’ studju għandu wkoll importanza straordinarja għal pajjiżna. L-investiment fl-edukazzjoni, f’dan il-każ permezz tal-għoti ta’ boroż ta’ studju, juri bl-aktar mod ċar ‘il fejn qegħdin nimmiraw li nwasslu lil pajjiżna fis-snin li ġejjin. Kull scholarship li nagħtu għandu l-potenzjal li jissarraf f’idea innovattiva li tiġġenera x-xogħol u ddawwar aktar ir-rota ekonomika.  Intom se toħolqu l-ġid għalikom infuskom u għal pajjiżna.  Bl-istudji tagħkom, intom qed tinvestu fikom u f’pajjiżna.

Nawgura lilkom l-istudenti kull suċċess fil-karriera tagħkom.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS  Malta and Germany discuss European security and closer bilateral cooperation

PR262020en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Malta u l-Ġermanja jiddiskutu s-sigurtà Ewropea u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

PR262020

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta u l-Ġer...

More Press Releases Right arrow