IT-TIENI YOUTH CAFE’ JINFETAĦ FL-IMSIDA
Jinħolqu aktar postijiet ta’ rikreazzjoni u edukazzjoni mhux formali minn Aġenzija Żgħażagħ
Il-Gvern hu impenjat li jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ biex jimirħu u jirnexxu f’ħajjithom, mhux biss billi jipprovdilhom opportunitajiet kbar fl-edukazzjoni formali iżda wkoll b’inizjattivi ta’ edukazzjoni mhux formali li tgħaddilhom ħiliet bażiċi u neċessarji għal tul ħajjithom. Dan qalu l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Paralamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, waqt l-inawgurazzjoni tat-tieni Youth Cafe’ li nfetaħ fl-Imsida u li se jitmexxa minn Aġenzija Żgħażagħ.
L-Onor. Puli qal li dan iċ-ċentru qed jingħaqad ma’ dak li l-Gvern fetaħ ftit tal-ġimgħat ilu fil-Qawra u se jkun qed joffri lok ta’ divertiment alternattiv u edukazzjoni informali għaż-żgħażagħ tal-Imsida u tal-madwar.
Matul iż-żjara tiegħu f’dan iċ-Ċentru l-Onor. Puli ltaqa’ ma’ għadd ta’ żgħażagħ li kienu qed jesperjenzaw għall-ewwel darba dan il-Youth Cafe’ waqt li kienu qed jieħdu sehem f’attivitajiet li kienu qed jittellgħu mill-Youth Workers ta’ Aġenzija Żgħażagħ.
L-Onor. Puli spjega li dan il-post se jkun qed jitmexxa minn Youth Worker li se jkun maż-żgħażagħ waqt il-ħin tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru. Huwa żied li lejn l-aħħar tas-sajf f’dan is-sit fl-Msida se jkun qed jiftaħ ukoll Ċentru Aċċess li jinkorpora fih servizzi ta’ impjiegi, housing u servizzi soċjali kif ukoll il-Youth Cafe’. Huwa qal li b’hekk iż-żgħażagħ ser igawdu minn numru ta’ servizzi li jistgħu jiġu bżonnhom matul it-transizzjonijiet li jgħaddu minnhom tul ħajjithom.
L-Onor. Puli spjega kif iż-żgħażagħ li jattendu dan il-Youth Cafe’ se jkunu jistgħu jiddevertu permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ gruppi, kif ukoll se jkollhom aċċess għall-kompjuters, wifi internet u librerija li ġew installati fil-post. Huwa saħaq li f’dan il-post iż-żgħażagħ se jiġu introdotti għall-opportunitajiet ta’ edukazzjoni mhux formali li toffri Aġenzija Żgħażagħ permezz tal-Programmi Nazzjonali ta’ Empowerment, programm li jagħti liż-żgħażagħ ħiliet li jistgħu jużaw fil-ħajja personali tagħhom kif ukoll fid-dinja tax-xogħol.
Clyde Puli ħabbar li fix-xhur il-ġejjin il-Gvern se jkun qed jiftaħ aktar ċentri bħal dan u saħaq li bħalissa qed isiru xogħlijiet biex jinfetħu ż-żewġ ċentri li jmiss fil-Belt Valletta u f’Bormla.
Is-Segretarju Parlametari kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma u minn Martin Chetcuti Manager tal-Aċċess tal-Qawra, Paul Pace Manager tal-Aċċess tal-Kottonera, Roberta Grech Manager tal-Aċċess tal-Belt Valletta, Albert Buttiġieġ il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar u Roderick Agius Kap Eżekuttiv tal-FES.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020