INAWGURAT XOGĦOL TA’ RESTAWR LI SAR MILL-GĦAQDA WIRT GĦAWDEX B’GĦAJNUNA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
“Il-patrimonju storiku huwa element ewlieni fost id-diversi karatteristiċi li jagħtu identità distinta lil Għawdex, u għalhekk huwa mportanti li dan il-patrimonju jiġi apprezzat u kkonservat.” Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono meta kienet qed tinawgura xogħol ta’ restawr estensiv f’bini storiku li jinkorpora l-Porvlista, mini, xelters u silos tal-qamħ ġewwa ċ-Ċittadella.
Dan ix-xogħol ġie koordinat mill-Għaqda Wirt Għawdex bħala parti minn proġett aktar wiesa’ li kien jinkludi wkoll restawr fil-kappella medjevali ta’ Santa Ċeċilja li tinsab fil-limiti tax-Xewkija. Dan kien wieħed minn 38 proġett li ġew proposti minn 37 Għaqda mhux Governattiva taħt skema tal-Ministeru għal Għawdex marbuta mal-ewwel Pjan ta’ Azzjoni ekoGħawdex 2010-2012. F’din l-iskema ġiet allokata somma ta’ madwar €1.2miljun li permezz tagħha dawn l-għaqdiet wettqu diversi proġetti ta’ natura soċjali, kulturali, ambjentali kif ukoll infrastrutturali.
L-Għaqda Wirt Għawdex kienet fost 20 għaqda li gawdew mill-massimu ta’ finanzjament taħt din l-iskema li kien jammonta għal €50,000. Permezz ta’ din l-għajnuna l-Għaqda ikkoordinat ħidma li wasslet biex saru xogħlijiet essenzjali biex issa l-pubbliku jkun jista’ japprezza u jgawdi aħjar dawn iż-żewġ siti storiċi ewlenin f’Għawdex.
Il-Ministru Giovanna Debono faħħret il-ħidma tal-Għaqda Wirt Għawdex filwaqt li esprimiet sodisfazzjon għall-mod ta’ kif ġew koordinati x-xogħlijiet li permezz tagħhom dawn is-siti qed jiġu wkoll ikkonservati skont l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli proposti fil-proġett ekoGħawdex. Il-Ministru fissret kif permezz ta’ din l-iskema l-Ministeru għal Għawdex poġġa fil-perspettiva wkoll ix-xogħol utli u validu li jwettqu l-membri ta’ dawn l-għaqdiet fost is-soċjetà, li ħafna drabi hija ħidma li titwettaq fuq bażi volontarja. L-Onor. Giovanna Debono fissret kif il-parteċipazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin flimkien mal-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin fi skema simili għalihom, wasslet biex twettqu jew qed jitwettqu għadd ta’ proġetti validi li jolqtu diversi setturi marbuta mal-pjan ta’ azzjoni ekoGħawdex.
Il-proġett ta’ restawr koordinat mill-Għaqda Wirt Għawdex kien jinkludi fost ħwejjeġ oħra stallazzjoni ta’ passaġġi bl-injam, titjib fis-sistema tal-elettriku bl-użu ta’ lampi li jaħlu anqas enerġija, tindif ġenerali u manutenzjoni oħra. L-Għaqda stampat ukoll ktejjeb u ġew stallati pannelli ta’ informazzjoni biex dawk li jżuru dawn is-siti jkunu jistgħu jifhmu u japprezzaw aħjar l-istorja marbuta magħhom.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020