STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT - L-Oppożizzjoni tipprova tgħatti l-inkompetenza tagħha fil-qasam ekonomika billi taħbi l-kisbiet ta’ pajjiżna
Dott Joseph Muscat jibqa’ l-vuċi iżolata li tipprova tmaqdar ir-riżultati ekonomiċi u finanzjarji li qed jikseb f’pajjiżna li jikkontrasta mat-taqlib ekonomiku internazzjonali. Dawn ir-riżultati qed jissarfu f’aktar investiment, jobs u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Filwaqt li dalgħodu Dott Muscat reġa’ prova jpinġi l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna bħala waħda mwegħra, f’dawn l-aħħar ġimgħat rajna kif:
· L-ekonomija Maltija kibret b’0.9% fl-istess kwart li l-ekonomija Ewropea ċkienet. Dan kien xprunat minn tkabbir minn firxa ta’ setturi differenti fosthom l-ICT, is-servizzi finanzjarji, setturi professjonisti u tekniċi, ir-retail u l-wholesale trade, u s-settur turistiku.
· Fl-istess kwart, kienet reġistrata żieda oħra fl-investiment ta’ 3.6%.
· L-esportazzjoni kibret bi 12%.
Kuntrarju għall-impressjoni li tipprova kontinwament tagħti l-Oppożizzjoni, dawn iċ-ċifri ekonomiċi qed igawdu minnhom il-haddiema ta' pajjizna:
· In-numru ta’ persuni jaħdmu bi qligħ żdiedu b’1.4% għal 150,700 meta mqabbla mal-istess xahar is-sena li għaddiet. Dan wara li l-Eurostat ikkonfermat li ghal xahar iehor, Malta ghandha l-hames l-inqas qghad fl-Unjoni Ewropea.
· L-istatistika dwar it-tkabbir ekonomiku turi wkoll żieda ta’ 2.6% fil-pagi tal-ħaddiema.
Iż-żieda fil-jobs hija wkoll frott ta’ pożizzjoni finanzjarja stabbli
Hawn ukoll Dott Muscat jibqa’ jitkellem waħdu u kontra dak li qed jgħid kull min qed jevalwa l-qagħda finanzjarja ta’ pajjiżna. .
F’dawn l-aħħar xhur biss, il-finanzi ta’ pajjiżna għaddew minn għarbiel u evalwazzjoni dettaljata mill-Fond Monetarju Internazzjonali, mill-Kummissjoni Ewropea u riċentement mill-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s. Din tal-aħħar, f’rapport ippubblikat din il-ġimgħat, faħħret il-konsolidament finanzjarju li ddeskrivetu bħala ‘suċċess’.
Il-Gvern assigura li t-tariffi ma jogħlewx
Dott. Muscat huwa żbaljat anke fil-kummenti tiegħu dwar l-Enemalta. Mhux talli l-Gvern mhux qiegħed juża l-Enemalta biex inaqqas id-dejn tal-pajjiż, talli ghall-kuntrarju din is-sena żied l-għajnuna lill-Enemalta biex minkejja ż-żidiet fil-prezz internazzonali taż-żejt, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji, l-industrija u s-sidien ta’ negozju m’għolewx.
Is-self li qed jitkellem fuqu Dott Muscat huwa marbut mal-investiment kapitali li qed isir mill-Enemalta fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari fl-interconnector ma’ Sqallija li għandu jsaħħaħ il-provvista tal-enerġiuja waqt li jnaqqas id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq iż-żejt.
Billi Dott Muscat diġà tkellem pubblikament kontra l-ROCE, jiġifieri l-metodu li bih parti mill-investiment li jsir jinġabar kull sena, u billi llum reġa’ tkellem kontra dan is-self, wieħed allura jistaqsi jekk l-intenzjoni ta’ Dott Muscat jekk ikun fil-Gvern hix li jpoġġi dan l-ammont kollu fit-tariffi ta’ sena waħda. Dan iwassal għal żieda fil-kontijiet ta’ madwar 40%. Dott Muscat jerga juri li ma ghandux soluzzjonijiet.
Żbaljat ukoll fuq il-Konċessjoni tal-Lottu
L-inkompetenza finanzjarja ta’ Dott Muscat toħroġ ukoll bil-mod ta’ kif qed jinterpreta d-dħul tal-Gvern mill-konċessjoni tal-lottu. Mhux minnu li l-ħlas tal-konċessjoni se jsir fuq perjodu ta’ għaxar snin, iżda l-ħlas sar kollu, immedjatament, ghax hu l-prezz tal-bejgh ghad-dritt tal-koncessjoni. Li se jidħol matul il-perjodu ta' l-għaxar snin tal-konċessjoni huwa d-dħul mil-liċenzji mħallsa mill-kumpanija tal-lottu lill-Awtorità kif ukoll it-taxxi fuq il-loghob li jridu jitħallsu kull sena minn din il-kumpanija.
Other Press Releases:
PR262020en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR FOREIGN AND EUROPEAN AFFAIRS Malta and G...
PR262020