Left arrow Go Back

JIĠU MNEDIJA L-UNURI GĦALL-PREMJU INNOVAZZJONI MALTA 2012

pr1933
Date Icon 07/09/2012

F’konferenza stampa li saret kmieni waranofsinhar, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji ż-Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi nieda uffiċjalment l-unuri għall-Innovazzjoni 2012 liema rikonoxximenti qed isiru b’kolloborazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. Il-Ministru Azzopardi qal li din hija t-tielet sena li qed isiru dawn l-unuri b’fond ta’ €50,000 għar-rebbieħa. Huwa qal li sabiex il-Gvern isaħħaħ u jippromwovi dan is-settur, fl-aħħar tlett snin alloka €175,000 Ewro sabiex jiġu rikonoxxuti proġetti fl-oqsma tal-kreattività, xjenza u teknoloġija innovativa. "Dan huwa messaġġ ċar ieħor li l-Gvern qed juri l-impenn tiegħu sabiex jinċentiva u jippremja aktar individwi f’dan il-settur li tant huwa importanti."

Għal dan il-għan, spjega l-Ministru se tittella’ serata speċjali bil-għan li jiġu rikonoxxuti l-ideat, kunċetti jew titjib fl-operat li jkunu għamlu individwi jew kumpaniji.  "Permezz ta’ dan ir-rikonoxximent, il-Gvern irid jinkorraġixxi l-iżvilupp ta’ ideat innovattivi u prodotti oriġinali u sostenibbli", sostna Azzopardi.

Għal dawn l-unuri se jkun hemm tlett kategoriji :

·        Il-kategorija għall-Innovazzjoni kreattiva,

·        Il-kategorija għall-Innovazzjoni xjentifika,

·        Il-kategorija għall-Innovazzjoni fit- teknoloġija

Ir-rikonoxximent għall-Kreattività Innovattiva se jippremja individwi jew intrapriżi li joperaw fil-qasam tal-kultura u l-kreattività u li jkunu laħqu livell eċċezzjonali kemm fil-kreattività, fl-innovazzjoni u l-intrapriża tagħhom. Is-suċċess miksub jista’ jkun prodott, proċess innovattiv jew stil ġdid ta’ħidma.  

Ir-rikonoxximent għall-Innovazzjoni Xjentifika huwa ntiż li jirrikonoxxi studenti tax-xjenza, akkademiċi u professjonisti li żviluppaw ideat ġodda jew skoprew xi kunċett ġdid fix-xjenza jew li ħolqu prodott, proċess jew idea ġdida xjentifika. 

Ir-rikonoxximent għat-Teknologija Innovattiva huwa ndirizzat lejn individwi jew intraprizi li ħolqu jew tejbu prodotti jew proċess.  

Il-Ministru Azzopardi spjega wkoll li se jingħata rikonoxximent speċjali lill-aktar Innovazzjoni Promettenti mill-kategoriji kollha bl-għan li dan jiġi nkoraġġut u mgħejun finanzjarjament biex il-prodott tiegħu/tagħha jiġi kummerċjalizzat.

B’kollox se jkun hemm total ta’ 7 premjijiet:  F’kull kategorija se jiġu ppremjati r-rebbieħ/a u dawk li jikklassifikaw fit-tieni post. Kull rebbieħ f’kull kategorija se jingħata s-somma ta €10,000 ewro filwaqt dawk li jiġu fit-tieni post se jingħataw €5,000 ewro kull wieħed. Ir-rebbieħ/a għall-aktar Innovazzjoni Promettenti se jirċievi s-somma ta €5,000 ewro.

Dawk il-progetti eleġibbli se jkunu kkunsidrati sabiex jiġu rikonoxxuti mill-WIPO (World Intellectual Property Organisation), bil-proġetti rebbieħa se jirċievu midalja u ċertifikat prestiġġjużi minn din l-Organizzjoni.

"Malta tħaddan talenti ta’ min jiftaħar bihom, ta’ nies li għandhom għal qalbhom dan is-settur u li  b’dedikazzjoni u b’impenn sħiħ joħolqu dawn il-proġetti tant kreattivi u oriġinali", sostna Azzopardi. 

Wieħed jista’ japplika għal dawn l-unuri billi jiġbor l-applikazzjoni mid-Dipartiment tal-Kummerċ u jibgħata sa mhux aktar tard mill-5pm tal-Ġimgħa 19 ta’ Ottubru lid-Dipartiment tal-Kummerċ, Lascaris, Valletta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow