IL-POLITIKA EKONOMIKA TAL-GVERN QED TFISSER TKATTIR TAL-ĠID U ĦOLQIEN TA’ JOBS B’PAGI AĦJAR
Il-politika ekonomika tal-Gvern qed tfisser tkattir tal-ġid u ħolqien ta’ jobs b’pagi aħjar – dan kien ikkonfermat illum minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar it-tkabbir ekonomiku fit-tieni kwart tas-sena. Dawn ir-riżultati juru li l-ekonomija Maltija kibret b’3% f’termini nominali, jew 0.9% f’termini reali. Is-setturi ewlenin tal-ekonomija Maltija komplew jikbru fit-tieni kwart, kif kien il-każ fl-ewwel kwart tas-sena. Dan juri l-investituri, industrijalisti u sidien ta’ negozju qed juru fiduċju fil-qagħda ta’ pajjiżna u qed ikompli jinvestu u joħolqu l-postijiet tax-xogħol.
Fost is-setturi ewlenin li waslu għal dan it-tkabbir kien hemm is-settur tal-informatika u l-komunikazzjoni li kiber bi 8.5%, is-settur tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni, li kibru b’7.9%, is-settur tal-arti, l-intratteniment u r-rikreazzjoni (6%), attivitajiet professjonali u tekniċi oħra (5%) u s-setturi tal-bejgħ bl-imnut u l-ingrossa, it-trasport, u s-settur tal-lukandi u r-ristoranti li kibru b’2.8%.
Fl-istess kwart, kienet reġistrata żieda oħra fl-investiment ta’ 3.6%.
Dan it-tkabbir ekonomiku qed jiġi rifless f’żieda fil-pagi tal-ħaddiema, li żdiedu b’2.6%.
Dawn ir-riżultati jikkonfermaw l-għaqal fil-ħidma tal-Gvern li f’perjodu ta’ diffikultajiet internazzjonali bla preċedent, saħħaħ l-għajnuna lis-settur privat jinvesti aktar, jiddiversifika l-prodott, jesporta aktar u joħloq aktar impjiegi. Fost l-oħrajn inħolqu skemi finanzjarji għall-fabbriki; saru skemi ghas-sidien tal-lukandi u restoranti biex jinvestu aktar u b’hekk pajjizna jkun aktar kompetittiv f’din l-industrija fejn il-kompetizzjoni hi qalilha, inħolqu ghas-sidien tan-negozji zghar u medji bħall-MicroInvest, MicroCredit, MicroGuarantee u ssaħaħ l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna.
Dan kollu qed jissarraf f’aktar postijiet tax-xogħol, hekk kif din il-ġimgħa stess l-NSO kkonferma li tul l-aħħar tnax-il xahar in-numru ta’ persuni jaħdmu bi qligħ żdiedu b’1.5%, u issa jlaħħqu l-150,700. Dan fl-istess żmien meta l-Eurostat għadha kif ippubblikat ċifri li juru li l-qgħad fl-Ewropa komla jiżdied u issa qed javviċina l-11%. F’Malta l-qgħad, kif imkejjel mill-Eurostat huwa qrib is-6%, il-ħames l-anqas fl-Ewropa.
Dan kollu huwa l-aqwa garanzija għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017