Left arrow Go Back

AKTAR STUDENTI GĦAWDXIN JAGĦŻLU LI JKOMPLU BL-ISTUDJI TERZJARJI

pr1872
Date Icon 31/08/2012

Ftit jiem wara li ssottomettew l-applikazzjonijiet tagħhom biex jibdew l-istudji terzjarji tagħhom f’Malta wara li temmew b’suċċess il-kors tal-matrikola fil-livell avvanzat fiċ-Ċentru għall-Istudji Ogħla Sir M A Refalo f’Għawdex, għadd ta’ studenti żgħażagħ Għawdxin laqgħu l-istedina tal-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) u attendew għal laqgħa informattiva ġewwa s-sala tal-Ministeru għal Għawdex.

Din hi attività annwali mtellgħa mill-GUG b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex bil-għan li studenti Għawdxin li jkunu se jibdew l-istudji tagħhom f’Malta, jingħataw aktar informazzjoni dwar servizzi u għajnuniet ohra li jistgħu jibbenefikaw minnhom matul is-snin ta’ studji li se jibdew fi ftit ġimgħat ohra. L-informazzjoni mogħtija tinkorpora għarfien dwar il-ħajja fuq il-kampus kif ukoll dik barra minnu li għall-istudenti Għawdxin tfisser ukoll bidu ta’ ħajja indipendenti, fejn matul il-jiem tal-ġimgħa jgħixu fi gruppi żgħar ġewwa appartamenti f’Malta.

F’messaġġ li twassal lil dawn l-istudenti, l-Onor. Giovanna Debono, Aġent Prim Ministru u Ministru għal Għawdex, għamlet aċċenn partikolari għal dan il-fatt u fissret kif fi studju li wettqu żgħażagħ Għawdxin li għaddew jew għadhom għaddejjin minn din l-esperjenza, fissru kif din kienet għalihom esperjenza pożittiva li tgħinhom isiru aktar indipendenti u responsabbli. L-Onor. Giovanna Debono esprimiet sodisfazzjon fir-rigward taż-żieda kostanti li ġiet irreġistrata f’dawn l-aħħar snin, fejn in-numru ta’ studenti Għawdxin li komplew bl-istudji terzjarji u vokazzjonali tagħhom żdied konsiderevolment. Matul is-sena akkademika 2011-2012 l-istudenti Għawdxin li kienu qed jattendu korsijiet fl-Università ta’ Malta laħqu 1,035 li jfisser id-doppju  meta mqabbla ma’ għaxar snin ilu. 181 student ieħor kienu qed jattendu korsijiet fiċ-ċentri tal-MCAST u 10 fl-ITS f’Malta. Żieda oħra kienet riflessa fl-istudenti li komplew l-istudji tagħhom f’Għawdex fejn dawk li għażlu korsijiet fiċ-ċentri tal-MCAST f’Għawdex telgħu għal 243 minn 44 li kienu jattendu fl-2002, filwaqt li l-parteċipazzjoni fl-ITS f’Għawdex laħqet  82 student minn 26 li kienu jattendu fl-2001.

L-Onor. Giovanna Debono fissret kif dan kollu hu riżultat ta’ impenn kollettiv li jinkludi l-impenn tal-Gvern li żied l-aċċessibiltà għal aktar korsijiet u saħħaħ il-qasam edukattiv f’pajjiżna. dak tal-Ministeru għal Għawdex li kontinwament żamm bħala prijorità l-qasam edukattiv f’Għawdex, l-impenn tal-edukaturi u dawk kollha impenjati fis-servizzi edukattivi, kif ukoll l-interess tal-ġenituri Għawdxin li jfittxu li jagħtu opportunitajiet aħjar lill-uliedhom. Fissret kif il-Ministeru għal Għawdex saħħaħ dan l-impenn billi ppromwova għajnuna u inċentivi li jgħinu lill-familji Għawdxin biex itaffu ftit mill-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-istudji ta’ dawn l-istudenti f’Malta permezz ta’ skema koordinata mill-istess Ministeru. Fil-fatt wara li ġiet riveduta l-iskema relatata, minn Jannar ta’ din is-sena kull student Għawdxi li jkompli bl-istudji tiegħu f’Malta beda jirċievi €400 kull tliet xhur li jissarfu f’€1,200 għal kull student apparti mill-istipendju marbut mal-korsijiet li jingħata fuq bażi nazzjonali. Ġiet eliminata d-differenza fl-għajnuna li kienet tingħata bejn studenti li jattendu korsijiet universitarji u oħrajn li jattendu korsijiet fl-MCAST jew l-ITS biex illum kull student Għawdxi f’Malta jingħata l-istess għajnuna filwaqt li ġie faċilitat il-proċess tal-applikazzjoni li issa ssir biss fil-bidu tas-sena akkademika u l-formola tal-applikazzjoni tista’ titniżżel minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għal Għawdex.

Din il-laqgħa ġiet indirizzata mill-President attwali tal-GUG, Ryan Mercieca. Huwa fisser kif il-GUG hija rappreżentattiva tal-istudenti kollha Għawdxin f’Malta kemm dawk li jsegwu korsijiet fl-Università kif ukoll dawk li jattendu istituzzjonijiet oħra bhal MCAST u l-ITS. Fisser kif il-GUG saħħet l-impenn tagħha biex tgħin lil dawn l-istudenti f’diversi aspetti marbuta mal-ħajja studenteska tagħhom il-bogħod mid-dar. Huwa spjega kif f’dawn l-aħħar xhur din l-għaqda ħadmet biex jiġu mtejba s-servizzi tat-trasport bejn iċ-Ċirkewwa u l-Università u anke sabiex il-possibiltà li studenti Għawdxin jagħmlu l-eżamijiet f’Għawdex, filwaqt li ħeġġeġ lil dawn l-istudenti biex jingħaqdu mal-GUG u jfittxu s-servizzi li toffri. Dawn is-servizzi jinkludu għajnuna u informazzjoni dwar diffikultajiet marbuta mal-istudji kif ukoll bħala gwida li tgħin lil dawn l-istudenti jsibu postijiet ta’ akkomodazzjoni u jistabilixxu ruħhom f’ambjenti ġodda.

Informazzjoni oħra mogħtija kienet marbuta ma’ attivitajiet li torganizza l-GUG matul is-sena kemm fuq il-kampus kif ukoll attivitajiet soċjali. Kelliema oħra kienu jinkludu lil Dun Giovanni Curmi li spjega kif il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (Għawdex) iżżomm kuntatt kontinwu ma’ dawn iż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet li jiġu organizzati b’mod regolari f’Malta. Tkellmu wkoll rappreżentanti tal-EUPA li ħeġġew lill-istudenti Għawdxin biex jipparteċipaw fil-programmi finanzjati mill-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Youth in Action Programme u l-Erasmus. Il-GUG tikkordina ħidma mal-aġenzija EUPA biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-membri tagħha f’dawn il-programmi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow