Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT

pr1866
Date Icon 30/08/2012

Il-Ministeru jirreferi għall-mozzjoni mressqa mill-Onor. Franco Debono.

L-investiment li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam tal-enerġija qed jassigura ambjent aħjar u l-ħolqien ta’ aktar jobs.  Il-Gvern qed jinvesti fl-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara li qed issir skont standards ambjentali ewropej u fl-Interconnecting cable ma’ Sqallija. Dawn l-investimenti huma kruċjali għat-tisħiħ soċjali, ekonomiku u ambjentali ta’ pajjiżna. Dawn huma proġetti li se jippermettu li pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament, jissaħħaħ soċjalment, jitjieb l-ambjent u titjieb il-kwalita’ tal-arja f’pajjizna.

L-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara qed issir skont l-aqwa standards ambjentali Ewropej. Il-proġett qed jiġi ffinanzjat fil-parti l-kbira mill-Bank Ewropew tal-Investiment, li jimponi regoli u standards stretti fil-proġetti li japprova l-għajnuna għalihom. Bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hi obbligata wkoll li tosserva regolamenti mill-aktar stretti fil-qasam ambjentali. Li kieku ma ġewx osservati minn pajjizna dawn ir-regolamenti ambjentali stretti kienu jittieħdu passi kontra Malta u l-Bank Ewropew tal-Investiment ma kienx jislef flus għall-estensjoni.

Il-power station ta’ Delimara hija diġà marbuta permezz ta’ IPPC permit (Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis) biex taħdem skont id-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk l-estensjoni ta’ Delimara hija ukoll mgħammra b’apparat għall-kontroll tat-tniġġis li jirriżulta fi tnaqqis ta’ emissjonijiet daqs li kieku l-impjant ikun qed jaħdem bil-Gasoil. Permezz ta’ dan it-tagħmir l-estensjoni se titħaddem bil-Low Sulphur Fuel oil, li huwa ferm irħas mill-gasoil, u fl-istess ħin tkun konformi mad-direttivi kollha tal-Unjoni Ewropea.  Fil-preżent, l-operazzjoni tal-impjant bil-gasoil tkun tfisser li l-ispiża togħla b’37 miljun ewro fis-sena li trid tiġi riflessa fit-tariffi tad-dawl.

Li l-Power Station ta’ Delimara taħdem skont l-aqwa standards ambjentali Ewropej kien ikkonfermat anke mill-Awditur-Ġenerali li wettaq investigazzjoni mill-aktar iddettaljata u li kkonkluda li l-estensjoni se tilħaq l-istandards tal-Ġermanja. Dan iddikjarah fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi mmexxi mill-Oppożizzjoni.

Il-Gvern diġà esprima l-impenn tiegħu li jmur għal impjant li jithaddem bil-gass. Il-Power Station tista’ titħaddem bil-gass. S’issa, dan ma kienx il-każ, għaliex l-ispiża ta’ konnessjoni mal-Ewropa għall-gass hija projbittiva għall-Malta. Madankollu, wara l-ħidma li l-Gvern Malti għamel fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea qed tikkunsidra l-finanzjament ta’ parti minn pipeline biex Malta tkun maqghuda mal-grid Ewropew tal-gass, u li dan jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea fil-budget li jmiss li jibda mill-2014.

Il-Ministeru jfakkar li bl-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara u l-interconnector se tingħalaq darba għal dejjem il-Power Station Marsa, li hija wieħed mill-aktar sors ta’ tniġġis fin-naħa t’isfel ta’ Malta u sors kbir ta’ ħela, peress li din llum għadha topera b’madwar 25% tal-effiċjenza biss.  

Dwar l-impjant tal-petroleum “31st March 1979”  bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar il-privatizzazzjoni tas-sezzjoni tal-Petroleum tal-EneMalta.  Kundizzjoni tal-privatizzazzjoni hija proprju l-għeluq u r-rilokazzjoni tal-impjant tal-petroleum li jinsab f'Birzebbuġa. Dan bl-istess mod kif sar fil-proċess tal-konċessjoni tal-operat tad-Diviżjoni tal-Gass, fejn l-impjant tal-Qajjenza, li kien ta' periklu għall-familji tal-madwar ingħalaq u minflok sar investiment f'impjant modern u aktar sigur tal-ibbottiljar f'Bengħajsa. Dan jixhed l-impenn tal-Gvern favur ir-residenti ta' dawn l-inħawi. Il-Gvern jifhem li l-impjanti industrijali kbar huma ta' piż, u għalhekk qed jagħmel dak kollu possibbli biex dan jitnaqqas.

Dan kollu juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, u li jwettaq investimenti li jagħtu l-aqwa valur għall-flus filwaqt li jintlaħqu l-aqwa standards ambjentali, bl-għan li nagħtu l-aħjar għas-saħħa tal-familji Maltin u Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow