Left arrow Go Back

368 ŻAGĦŻUGĦ U ŻAGĦŻUGĦA JINGĦATAW SPINTA LEJN ID-DINJA TAX-XOGĦOL

pr1851
Date Icon 28/08/2012

368 żagħżugħ u żagħżugħa irċevew taħriġ u ngħataw sapport dirett mill-proġett Embark for Life (E4L), proġett kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew. L-għan ewlieni tal-proġett E4L huwa li jissapportja lil żgħażagħ vulnerabbli biex jersqu lejn programmi edukattivi jew ifittxu impjieg, biex b’hekk ikollhom ċans jgħixu fil-komunità b’mod aktar indipendenti u b’livell ta’ għixien aħjar. Il-proġett jipprovdi wkoll opportunitjiet fil-qasam tat-taħriġ u d-dinja tax-xogħol, li jolqtu l-ħtiġijiet ta’ dawn il-parteċipanti.  Konferenza li saret dalgħodu kienet intiża sabiex tagħti l-lok għal diskussjoni dwar il-pass li jmiss għall-benefiċjarji tal-proġett. Fl-istess ħin 45 minn dawn iż-żgħażagħ irċevew ċertifikat ta’ parteċipazzjoni. 

Waqt li indirizza l-konferenza, il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said tkellem dwar l-impenn kontinwu tal-Gvern biex jinħoloq aktar xogħol u xogħol aħjar.  Dan għaliex fil-qasam tax-xogħol il-Gvern irid l-aqwa u l-aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.  Fl-erba’ snin li għaddew inħolqu aktar minn 20,000 impjieg ġdid. Is-settur privat wieġeb għall-istrateġija tal-Gvern billi ħoloq aktar xogħol għall-ħaddiema. Min iħaddem għamel aktar minn 43,000 talba lill-ETC biex jimla postijiet tax-xogħol li kien jeħtieġ ħaddiema għalihom. B’hekk l-opportunitajiet ta’ xogħol żdiedu kemm għal dawk li se jidħlu fid-dinja tax-xogħol għall-ewwel darba, kif ukoll għal dawk li qed jitħajru li jbiddlu l-impjieg tagħhom.

Is-Sinjura Sina Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, waqt l-indirizz tal-ftuħ faħħret lil dawn iż-żgħażagħ talli daħlu għal din l-isfida b’impenn sħiħ u rnexxielhom jindirizzaw id-diffikultajiet li kienu għaddejjin minnhom. Is-Sinjura Bugeja semmiet li bl-impenn u r-rieda li jkunu attivi fis-soċjetà, dawn iż-żgħażagħ servew biex ikissru l-mentalità li forsi kienet tippersisti dwarhom u għalhekk stinkaw sabiex jgħinu lilhom infushom fil-proċess ta’ integrazzjoni fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol. Hija awgurat liż-żgħażagħ preżenti sabiex ikomplu jemmnu fihom infushom u japplikaw dak li rċevew mill-proġett għall-ħajja tagħhom.

Is-Sur Stephen Vella Project Leader tal-E4L, qal li dan il-proġett ġie mniedi sabiex jilħaq il-ħtiġijiet partikolari ta’ żgħażagħ fuq livell individwali. B’hekk sa mill-bidu nett dan il-proġett ħa ħsieb u ta kas kull żagħżugħ/a li ġie referut jew li ppreżenta ruħu għall-għajnuna. It-taħriġ li ngħata kien wieħed imfassal b’mod li jkun effettiv għall-persuna. Is-suċċess ta’ dan il-proġett għaldaqstant qed jiġi kkalkulat fuq livell individwali – kemm iż-żagħżugħ/a li beda l-mixja tal-proġett irnexxielu jaħtaf ir-riedni u jgħix ħajja soċjalment aċċettabbli. Dan kien l-iskop tal-E4L. 

Il-proġett Embark for Life – Integration of Young People into the Labour Market (E4L) beda fl-2009 u hu mmexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali permezz tal-Aġenziji Appoġġ u Sedqa, bi sħab mal-ETC u l-Awtorità tad-Djar. Għal dawn l-aħħar snin il-proġett indirizza l-ħtiġijiet ta’ żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali fl-età ta’ bejn is-16 u l-24 sena, li minħabba diversi raġunijiet u sitwazzjonijiet f’ħajjithom, isibuha diffiċli jsibu impjieg jew ma jirnexxielhomx jibqgħu fl-istess impjieg għal tul ta’ żmien. L-għan ewlieni kien li jissapportja lil dawn iż-żgħażagħ jersqu lejn programmi edukattivi offruti bħala parti mill-istess proġett u/jew ifittxu impjieg, biex b’hekk ikollhom ċans jgħixu fil-komunità b’mod aktar indipendenti u b’livell ta’ għixien aħjar.

L-E4L qabeż il-miri mfassla u ntlaħqu 386 persuna minflok il-240 ippjanati. 132 minnhom sabu u baqgħu f’impjieg sostenibbli jew resqu lejn aktar taħriġ sa 6 xhur wara li rċevew is-sapport mill-proġett – meta mqabbel mal-120 li kien pjanat oriġinarjament. Il-proġett kien joffri diversi tipi ta’ sapport skont il-ħtieġa tal-klijent. Fosthom insibu taħriġ dwar aspetti ġenerali fil-ħajja bħal kif għandek tikkomunika, kif tqassam il-flus, kif tippjana għall-futur, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol u kif għandek tfittex xogħol. Taħriġ ieħor kien jitratta kif wieħed għandu jipprepara u jippreżenta CV u japplika għal xogħol; kif wieħed għandu jfittex xogħol skont il-ħiliet tiegħu; kif wieħed jaddatta fuq il-post tax-xogħol; teamwork fl-impjieg; eċċ.

Ingħata wkoll taħriġ vokazzjonali f’istituzzjoni edukattivi bħall-MCAST fuq oqsma varji, li kienu jinkludu korsijiet akkademiċi li jwasslu lill-kandidati lejn l-O levels, hairdressing, korsijiet fuq nutrition, korsijiet ta’ nail technicians, food handling, korsijiet tal-kompjuter, u oħrajn. Aspett importanti ieħor fil-proġett kien li jipprovdi lezzjonijiet tas-sewqan lil uħud mill-benefiċjari sabiex dawn itejbu l-prospetti tagħhom għal impjieg. Ingħata wkoll sapport fuq bażi individwali sabiex iż-żagħżagħ isibu xogħol addattat, skont il-ħiliet tal-individwu.

Ir-rwol tal-Aġenzija Appoġġ u Aġenzija Sedqa kien li joffru sapport fl-implimentazzjoni tal-care plans għall-parteċipanti tal-proġett. L-ETC pprovdiet gwida u għenet fil-proċess ta’ tqabbil tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol mal-ħtiġijiet tal-parteċipanti tal-proġett, kif ukoll qed tipprovdi t-taħriġ neċessarju. Min-naħa l-oħra, l-Awtorità tad-Djar tgħin lill-parteċipanti li jistgħu jibbenefikaw minn skemi tal-Awtorità u tipprovdi gwida dwar kif dawn jistgħu eventwalment jersqu lejn is-suq privat anke permezz ta’ skemi ta’ kera.

Iż-żgħażagħ preżenti għall-konferenza kellhom ukoll iċ-ċans jiddiskutu mal-Ministru Said diversi aspetti relatati mas-sitwazzjoni preżenti fil-ħajja tagħhom, kif ukoll x’ser jiġri fil-futur qrib ladarba l-proġett E4L jintemm fl-aħħar ta’ din is-sena.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett E4L, il-pubbliku jista’ jżur www.appogg.gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow