MATUL DAWN L-AĦĦAR 4 SNIN U NOFS INGĦATAW 2,219 TRATTAMENT MEDIKU FIR-RENJU UNIT LILL-PAZJENTI MALTIN
Qed ningħata t-trattament mediku li għandi bżonn f’wieħed mill-aqwa sptarijiet fid-dinja – Is-Sur Bernard Bonnici
Mill-2008 sa nofs Awwissu ta’ din is-sena 1,456 pazjent Malti u Għawdxi ngħataw aktar minn 2,000 trattament mediku b’xejn fir-Renju Unit għall-kundizzjonijiet differenti ta’ saħħa varji li kellhom jew għandhom. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, ingħata rendikont tal-ħidma li qed issir mis-sezzjoni magħrufa bħala Treatment Abroad Section fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa.
Il-Ministru Joe Cassar qal li dawn il-pazjenti ikunu qed jesperjenzaw kundizzjoni partikolari li tkun teħtieġ kura speżjalizzata u allura, permezz ta’ ftehim li kien sar bejn Malta u r-Renju Unit, din il-kura tingħata f’ċentri ta’ speċjalizzazzjoni prinċipalment f’Londra. Dr Cassar qal li l-ftehim ikopri kwota annwali ta’ 180 pazjent, filwaqt li l-Gvern Malti jħallas direttament għall-kumplament tal-pazjenti. Naturalment il-pazjent ma jħallas xejn.
Il-Ministru Cassar qal li dan isir sabiex jiġi żgurat li l-pazjenti Maltin jirċievu l-aqwa kura possibbli mill-aħjar istituzzjonijiet mediċi fl-oqsma rispettivi. Il-Gvern jinvesti madwar miljun u nofs ewro fis-sena biex jipprovdi dan is-servizz lill pazjent, li jinkludi wkoll it-titjiriet, akkomodazzjoni u ikel tal-pazjent, trasport u naturalment il-kura neċessarja kif ukoll il-mediċini relatati mal-kura. Il-Gvern ikopri wkoll l-ispejjeż relatati mal-użu ta’ air ambulance u l-professjonisti abbord, f’każijiet ta’ emerġenza.
Id-Dipartiment tas-Saħħa għandu wkoll ftehim ma’ Puttinu Cares u mas-Sorijiet Franġiskani sabiex il-pazjenti Maltin jiġu pprovduti b’akkomodazzjoni mħallsa mill-Gvern. Hemm ukoll ftehim mal-Patrijiet Franġiskani li jinsabu f’Londra biex jiġi offrut ukoll servizz spiritwali kif ukoll interpreti biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ komunikazzjoni għal dawk li jkollhom bżonn.
Sena Numru ta’ pazjenti Episodji
| 2008 | 279 425 |
| 2009 | 296 474 |
| 2010 | 306 485 |
| 2011 | 314 474 |
2012 (up to 20.08.12) 261 361
Numru ta’ pazjenti u episodji ta’ kura li ngħataw fir-Renju Unit
Is-Sur Bernard Bonnici, li bbenefika minn kura barra minn pajjiżna qasam l-esperjenza tiegħu mal-mezzi tax-xandir. Hu qal li minħabba problemi li esperjenza f’għajnejh ġie stabilit li kellu bżonn kura speċjalizzata u beda jirċievi kura fi sptar f’Londra. Is-Sur Bonnici qal li din is-sena diġà mar tmien darbiet Londra u filwaqt li għall-bidu kellu bżonn imur kull ġimgħa u nofs issa qiegħed jitla’ għall-kura kull xahar. “Bqajt impressjonat bis-servizz effiċjenti offrut. Meta fittixt fuq l-internet indundajt li qed ningħata t-trattament mediku li għandi bżonn f’wieħed mill-aqwa sptarijiet fid-dinja, u minn wieħed mill-aqwa speċjalisti fil-qasam”, qal is-Sur Bonnici. Hu faħħar il-ħidma li ssir mill-uffiċjali tal-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra u rringrazzjahom tal-għajnuna prattika li jsib minn għandhom waqt li jkun Londra.
Bernard Bonnici qal li t-trattement li qiegħed jirċievi qiegħed jagħti l-frott mixtieq u issa qiegħed iħossu ferm aħjar. Hu rringrazzja lil kull min hu involut għax is-servizz huwa wieħed verament prattiku u professjonali li saħansitra jibqa’ għaddej hawn Malta, u membri mit-tim tat-Treatment Abroad saħansitra jinfurmawh meta jkun wasal biex jordna aktar mediċina, li tiġi provduta lilu b’xejn.
Il-Ministru Joe Cassar irringrazzja lill-ħaddiema li jmexxu t-taqsima tat-Treatment Abroad tad-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid tal-pazjent. Dr Cassar irrikonoxxa li l-ħidma ta’ dan id-dipartiment mhi faċli xejn, anke minħabba l-fatt li tvarja ħafna fin-natura tagħha. Iżda grazzi għal perseveranza tal-ħaddiema, il-pazjent jibbenefika mill-aqwa kura possibbli.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017