Left arrow Go Back

APPELL BIEX AKTAR NIES JAGĦMLU ATTIVITA` SPORTIVA JEW FIŻIKA

pr1791
Date Icon 13/08/2012

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dalgħodu inawgurat Gym ġdid fl-MCAST li se jkun għall-użu tal-istudenti u għalliema u li eventwalment se jinfetaħ ukoll għall-pubbliku u saħqet fuq l-importanza li jkollna ħajja attiva u l-ħtieġa li aktar persuni jinvolvu ruħhom fil-prattika ta’ xi sport jew xi forma oħra ta’ eżerċizzji fiżiċi.

Il-Ministru qalet li lkoll nifhmu u napprezzaw l-importanza tal-attivita` fiżika jew l-isport biex ikollna ħajja b’saħħitha u nbiegħdu l-mard kemm jista’ jkun.  Il-Gvern qed jinvesti bil-kbir biex iħajjar aktar nies jagħmlu xi tip ta’ attività fiżika u sportiva. 

F’dawn l-aħħar snin sar investiment qawwi fil-qasam tal-isport kemm mil-lat ta’ edukazzjoni kif ukoll f’dawk li huma attrezzaturi f’postijiet pubbliċi u fl-iskejjel.

Bħalissa qed infasslu Politika Nazzjonali dwar l-Isport. Ħloqna skema fl-Armata fejn sportivi li jippromettu jistgħu jidħlu fl-Armata u jkollhom ħin biex jitħarrġu b’mod professjonali.  Nidejna Scholarships fil-qasam tal-Isport u f’Ottubru li ġej se niftħu l-iSkola tal-Isport.

Dan barra li ftaħna l-Kumpless Sportiv f’Ħal Kirkop biex jiżdied ma’ dak tal-Cottonera, qed isir titjib kbir fil-kumpless Sportiv ta’ Għawdex u inawgurajna numru ta’ outdoor gyms għall-użu tal-pubbliku.

Illum qed ninawguraw il-Gym ġdid fl-MCAST li se jkun qed joffri faċilitajiet għal taħriġ fiżiku kemm lill-istudenti kif ukoll lill-istaff u l-lecturers bil-ħsieb li fi ftit żmien ieħor ikun aċċessibbli għall-pubbliku in ġenerali.

Dan għandu jħajjar lill-istudenti u l-istaff biex issa li għandhom dawn il-faċilitajiet fejn huma jqattgħu parti sostanzjali mill-ġurnata tagħhom, jipparteċipaw f’attivita` fiżika u b’hekk ikunu qed jieħdu ħsieb saħħtihom ukoll.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol sellmet lill-atleti Maltin li pparteċipaw fil-Logħob Olimpiku li għadu kif intemm u rringrazzjathom għax għalkemm ma jiksbux midalji xorta waħda taw l-aħjar tagħhom u kisbu riżultati tajbin.

Il-Ministru Cristina qalet li rridu nkomplu nħeġġu lil kulħadd biex jadotta stil ta’ ħajja attiva.  L-MCAST bid-diversi attivitajiet li jorganizza, jinsab fuq quddiemnett biex iħajjar studenti u għalliema jżommu ruħhom attivi.

Dan il-gym għandu jservi wkoll lil dawk l-istudenti li jagħmlu korsijiet speċjalizzati fuq l-isport u taħriġ fiżiku li joffri l-Istitut għas-Servizzi fil-Komunità.  Għal dawn l-istudenti l-gym hu għodda oħra importanti biex jużawha fl-istudji tagħhom.  Dawn l-istudenti issa se jkollhom l-opportunità li jagħmlu taħriġ prattiku ta’ gym instructors u xogħlijiet oħra relatati.

Sal-lum 115-il student tal-MCAST temmew b’suċċess korsijiet speċjalizzati fil-qasam tal-Isport.  Fil-fatt il-kulleġġ joffri żewġ programmi għal dawk l-istudenti li jixtiequ jagħmlu karriera fil-qasam tal-isport u t-taħriġ fiżiku.  Dan barra korsijiet part-time marbuta mal-Isport li joffri l-MCAST.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol awgurat li dan il-gym ġdid li fih sar investiment ta’ eluf ta’ ewro iservi biex aktar żgħażagħ u adulti jadottaw ħajja aktar attiva u jkun hawn aktar żgħażagħ li jitħajru jibdew jipprattikaw xi tip ta’ sport.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow