STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
It-triq ewlenija f’Għawdex, li mill-Port tal-Imġarr twassal saċ-Ċentru tar-Rabat issa hija miftuħa għat-traffiku. Dan hekk kif ix-xogħol infrastrutturali qawwija li kienu qed isiru fl-aħħar xhur issa telstew. Għalhekk kull min tiela’ Għawdex tul il-ġimgħa tal-Festa ta’ Santa Marija għandu jgawdi minn triq ta’ l-għola kwalita’ mingħajr skariġġ żejjed ta’ toroq alternattivi.
Dan il-proġett huwa parti mill-infrastruttura ġdida li qed issir fit-toroq arterjali ta’ pajjiżna, b’85 fil-mija ta’ l-investiment qed jinħarġu minn fondi Ewropej. L-investiment f’Għawdex kien jammonta għall-akbar somma li ntefqet dan l-aħħar f’toroq partikolari. Fil-fatt din it-triq ta’ 3km ġiet tiswa ‘l fuq minn €12-il miljun.
Dawn it-tliet kilometri ta’ triq ġdida se tgħaqqad iż-żewġ meded li saru fis-snin ta’ qabel, jiġifieri mill-Port tal-Imġarr sax-Xewkija kif ukoll mir-Rabat għal San Lawrenz.
Ix-xogħol f’Għawdex ħa ftit aktar żmien milli kien previst u dan minħabba l-ammont kbir ta’ sejbiet arkeoloġiċi li nstabu. Kull darba li tfaċċaw dawn is-sejbiet, il-kuntratturi kellhom jieqfu mix-xogħol biex isir studju dettaljat ta’ dak li nstab u biex kienu preservati tajjeb.
Mhux hekk biss iżda s-servizzi kollha f’Għawdex, proprju fiċ-ċentru tal-gżira, qatt ma nbidlu u s-service providers bhall-Enemalta, l-Korporazzjoni ta’ l-Ilma u dawk li jipprovdu s-servizzi teknoloġiċi u servizzi ta’ telefonija kellhom jibdu s-servizzi kollha għall-oħrajn ġodda. Issa jonqos biss li jitwaħħlu l-crash barriers u s-sinjali tat-traffiku l-propja filwaqt li ssir ż-żebgħa tat-triq.
Il-Ministeru għall-Infrastruttura b’sodisfazzjon jinnota li tul dawn l-aħħar 4 snin sar investiment u xogħol kbir fit-toroq arterjali u residenzjali f’Malta u f’Għawdex, permezz ta’ Transport Malta. Fl-2010 infetħu mill-ġdid il-Bypass ta’ Marsaskala u Triq il-Belt Valletta fiż-Żurrieq, b’investiment ta’ kważi €14-il miljun. Imbagħad din is-sena tlestew Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa u Triq Garibaldi f’Ħal Luqa, b’investiment ta’ €10.5 miljun filwaqt li tlesta wkoll Xatt l-Għassara ta’ l-Għeneb fil-Marsa b’investiment ta’ €7.5 miljun
Sadanittant għaddej b’ritmu tajjeb ix-xogħol fuq Triq il-Marfa u l-Bypass ta’ Pennellu fil-Mellieħa, kif ukoll x-xogħol fuq l-Underpass fil-Marsa.
Dan ix-xogħol kollu sar minn kuntratturi Maltin, bl-ogħla kwalita’ ta’ materjal u skont standards Ewropej għas-sigurta’ tas-sewwieq u ta’ kull min jagħmel użu mit-toroq tagħna.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017