INVESTIMENT LI JSAĦĦAĦ IS-SETTUR TURISTIKU TA’ PAJJIŻNA
Il-Gvern qed iwettaq strateġija fit-turiżmu ffukata fuq investiment fil-prodott, l-aċċessibilità u l-promozzjoni effettiva. Din l-istrateġija qed iġib ir-riżultati. Il-Ministru għat-Turiżmu, Kultura u l-Ambjent, Mario de Marco waqt żjara fil-Mellieħa Bay Hotel fakkar li fl-aħħar ħames snin pajjiżna kellu erba’ snin rekord. Din is-sena pajjiżna qed jerġa jkollu riżultati pożittivi f’dan is-settur. Ix-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju 2012 kienu rekord. Pajjiżna rreġistra wkoll riżultati pożittivi għax-xahar ta’ Lulju. Fil-fatt, l-MIA ħabbret li f’Lulju ta’ din is-sena kien hemm numru rekord ta’ passiġieri li qatt għaddew f’xahar mill-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, pajjiżna kellu l-ikbar numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Malta b’żieda ta’ 158,358 (3.5%) iljieli fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra u l-ogħla nefqa mit-turisti b’€484.4 miljun, b’żieda ta’ €15.3 miljun (3.3%). Din in-nefqa, qal Mario de Marco, jgawdu minnha d-diversi intrapriżi fit-turiżmu bħal lukandi, ristoranti, kumpaniji tat-trasport, fost kumpaniji oħra li joperaw fl-ekonomija lokali, bil-kummerċ li tiġġenera din in-nefqa jissarraf fil-ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol.
Il-Gvern qed jinvesti wkoll f’diversi skemi li għandhom l-għan li jippromwovu s-sostenibbiltà, jsaħħu il-kompettività, jiddiversifikaw il-prodott u jsostnu l-profitabbilità. Il-Mellieħa Bay Hotel ibbenfikat minn dawn l-iskemi u ingħatat €61,480 f’sussidju fuq ir-rata tal-interessi li għen lill-kumpannija tieħu self ta’ €819,730 biex twettaq programm maġġuri ta’ refurbishment. Dan jinvolvi kważi nofs il-kmamar tal-lukanda. Minbarra dan, il-lukanda ingħatat għajnuna taħt il-ERDF Energy Call 3, b’għotja bil-valur ta’ €79,309 u li tirrapreżenta 50% tal-valur tal-proġett li hu ta’ €158,618 għall-investiment f’panelli fotovoltajiċi u sistemi ta’ enerġija alternattiva.
Il-Ministru de Marco qal li l-iskemi tal-Gvern qed jħeġġu lis-settur privat biex jsaħħaħ il-prodott u s-servizz turistiku ta’ pajjiżna. Hu fakkar li fost l-iskemi għas-settur privat hemm skema ta’ 10 miljun ewro għall-investiment fi proġetti ta’ turiżmu sostenibbli. Permezz ta’ din l-iskema se jkunu ġew iffinanzjati ’l fuq minn 100 proġett b’investiment totali mis-settur privat ta’ madwar €20 miljun. Dawn se jkunu ħolqu bejniethom madwar 550 post tax-xogħol ġdid. Permezz tal-Energy Grant Scheme kien hemm 42 operatur turistiku li ingħataw bejniethom €2.2 miljun biex jagħmlu proġetti ta’ enerġija alternattiva. Il-Ministru Mario de Marco rrefera wkoll għall-programm ADVANCE li b’investiment ta’ 3 miljun ewro li permezz tiegħu qed jiġu mħarrġa persuni li diġà jaħdmu fis-settur turistiku.
Il-Ministru de Marco qal li l-Gvern qed jinvesti wkoll fil-proġetti kapitali, infrastruttuali u fi spazji miftuħa. Fost dawn hemm il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar b’investiment ta’ 1.4 miljun ewro, Ġnien Pembroke b’investiment ta’ €2.6 miljun filwaqt li għaddej x-xogħol fuq ir-restawr tat-Torri tal-Madliena u fuq l-proġett ta’ l-Aquarium fil-Qawra b’investiment ta’ €15.6 miljun, ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Ic-Chairman tal-Mellieħa Bay Hotel, Albert Mizzi qal li s-sidien tal-kumpanija għandhom fiduċja fl-investiment fis-settur turistiku hekk kif dan huwa settur li qed ikollu riżultati pożittivi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017