AKTAR PROĠETTI LI JOFFRU KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR FIŻ-ŻEBBUĠ GĦAWDEX
Il-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija fiż-Żebbuġ Għawdex ġie attrezzat b’aktar faċilitajiet li jinkludu inizjattivi favur l-ambjent u li joffru kwalità ta’ ħajja aħjar lil dawk kollha li jiffrekwentawh. Dan permezz ta’ proġett imwettaq mill-istess soċjetà b’finanzjament ta’ madwar €47,000 minn skema tal-Ministeru għal Għawdex għall-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Għawdxin għat-twettieq ta’ proġetti li huma konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni Eko Għawdex 2010 – 2012.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, akkumpanjata minn diriġenti tas-soċjetà fosthom mill-President is-Sur George Cefai, żaret il-każin fejn saru dawn ix-xogħlijiet li kienu jinkludu bini ta’ ġibjun tal-ilma, installazzjoni ta’ dwal li jaħlu inqas enerġija u xiri u installazzjoni ta’ lift.
Il-Ministru Debono esprimiet is-sodisfazzjon u wriet apprezzament għall-inizjattiva li ħadet is-soċjetà biex twettaq proġetti li jindirizzaw kemm l-aspett ambjentali kif ukoll dak soċjali fil-komunità. Hija qalet li permezz ta’ dawn il-proġetti, il-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija ser itejjeb l-inklużjoni soċjali permezz ta’ titjib fl-aċċessibilità, filwaqt li ser joffri ambjent aktar sostenibbli mhux biss lill-membri tas-soċjetà u voluntiera, iżda wkoll lil dawk li jagħżlu li jiffrekwentaw il-każin fil-ħin tar-rikreazzjoni tagħhom. Il-Ministru għal Għawdex żiedet tgħid li l-installazzjoni tal-lift għal 8 persuni, se tfisser aktar aċċessibilità għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, l-anzjani kif ukoll għall-ommijiet bit-trabi, filwaqt li l-proġetti l-oħra ser ikunu jfissru tnaqqis fil-carbon footprint li jfisser tnaqqis fit-tniġġiż tal-arja u l-ambjent ta’ madwarna.
Hija rreferiet għall-proġetti oħra fil-lokalità taż-Żebbuġ, li qed jiġu ffinanzjati wkoll mill-Ministeru għal Għawdex, fosthom il-proġett tal-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ imwettaq mill-Kunsill Lokali fejn b’kollox ser ikunu nbnew 1,400 metru kubu ta’ ħitan tas-sejjieħ fi Triq iż-Żebbuġ u fi Triq ir-Rabat.
L-iskemi tal-Ministeru għal Għawdex għall-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet mhux Governattivi Għawdxin qed jissarfu f’madwar sittin proġett b’investiment ta’ madwar €2.5 miljun, li permezz tagħhom ser tibbenefika mhux biss il-komunità Għawdxija, iżda wkoll il-Maltin u t-turisti li jżuru l-gżira. Dan għaliex huma proġetti li jolqtu firxa wiesgħa ta’ setturi soċjo-ekonomiċi ewlenin fosthom l-ambjent, il-qasam soċjali u dak ekonomiku kif ukoll il-qasam kulturali li jagħti identità partikolari lil Għawdex.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017