Left arrow Go Back

FAĊILITAJIET MILL-AQWA BIEX L-ISTUDENTI JKOMPLU JIRNEXXU

pr1748
Date Icon 07/08/2012

L-ewwel blokk ġdid jibda jintuża f’Jannar li ġej

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dalgħodu rat ix-xogħol li qed isir fuq il-campus il-ġdid tal-MCAST u ħabbret li l-ewwel blokka li se tilqa’ fiha l-Istitut tax-Xjenzi Applikati se tkun tista’ tibda’ tintuża’ minn Jannar li ġej ferm qabel kien ippjanat. Altru milli wieħed jgħid li ntefgħu erba’ ġebliet.

L-ewwel fażi tal-proġett tal-campus il-ġdid tikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ tliet binjiet ġodda u indipendenti kif ukoll parkeġġ taħt l-art bi spazju ta’ madwar 20,000 metru kwadru. Dan il-bini se jkun fih faċilitajiet tal-ogħla livell biex jgħin lill-istudenti tagħna ikomplu jirnexxu fl-istudji tagħhom u jippreparaw ruħhom għall-isfidi u l-opportunitajiet li qed jinħolqu.

Il-fażijiet kollha ta’ dan il-campus meta jitlesta kollu huma stmati li se jiswew madwar €120 miljun. Dan il-proġett qiegħed jitwettaq taħt id-direzzjoni tal-Fondazzjoni għall-Iskejjal t’Għada.

It-tliet binjiet ġodda f’din l-ewwel fażi jikkonsistu f’binja li se jkun għall-Institute of Applied Science – li hu Istitut relattivament ġdid, binja oħra se tilqa’ l-Institute of Business and Commerce u binja oħra se tkun għas-Servizzi tal-Istudenti.

Qed jinbena wkoll parkeġġ li se jkun jesa’ madwar 700 karozza għall-istudenti u l-għalliema tal-MCAST. Is-saqaf tal-parkeġġ se jservi bħala pjazza prinċipali tal-campus il-ġdid u se jinkludi postijiet ta’ rikreazzjoni informali fejn jiltaqgħu l-istudenti.

L-Istitut tax-Xjenzi Applikati jikkonsisti fi spazju ta’ 7600 metru kwadru mifruxin fuq ħames sulari u jinkorpora fih lecture rooms, 11-il laboratorju speċjalizzati, uffiċċini, sala u faċililitajjiet oħra. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni tlesta u bħalissa qed jiġu nstallati s-servizzi li jinkludi sistemi tad-dawl, ilma, arja kkondizjonata, gass, servizzi tal-informatika u telefonija, servizzi oħra speċjalizzati li joffru aċċessibilità u sigurtà fil-binja, kif ukoll sistemi ta’ enerġija alternattiva.

L-Istitut tan-Negożju u l-Kummerċ se jkun jikkonsisti f’erba’ sulari li jammontaw għal 6,300 metru kwadru u jiġbor fih lecture rooms, laboratorji tal-informatika, uffiċċini u faċililitajjiet oħra. Il-kostruzzjoni ta’ dan il-blokk hi fi stadju avanzat u qed tissaqqaf parti mit- tieni sular.

Il-binja għas-Servizzi tal-Istudenti se tikkonsisti f’erba’ sulari u tinkorpora fiha sala, canteen, kappella, uffiċini għal servizzi tal-istudenti u faċilitajjiet oħra. Din il-binja fiha spazju ta’ madwar 5,000 metru kwadru.

Il-Ministru Cristina qalet li din l-ewwel fażi tal-proġett tinkludi upgrade fis-sistema tal-elettriku fejn se jinbnew żewġ substations ġodda biex jissuplixxu d-domanda tal-elettriku rikjesta f’dawn il-binjiet.

Qed jinbnew ukoll ġwiebi kbar taħt il-parkeġġ fejn jinġabar l-ilma tax-xita miġbur mis-soqfa li mbagħad jiġi ttrattat u utilizzat f’dawn l-istess binjiet.

Il-Ministru qalet li hu ppjanat li din l-ewwel fażi kollha (it-tliet blokki) titlesta sa Settembru tas-sena d-dieħla (2013).

Meta jitlesta l-Kampus il-Ġdid tal-MCAST, l-10 Istituti tal-MCAST se jkunu kollha ibbażati f’żona waħda f’Kordin. Il-Kampus se jestendi mill-Knisja ta’ Sant. Antnin f’Għajn Dwieli, sax-Xatt tal-Marsa, fejn se jinbena l-Istitut Marittimu b’aċċess dirett għall-baħar – aktar minn 100,000 metru kwadru, jew 20 ground tal-football. Dan jinkludi wkoll il-ġonna li hemm biswit it-Telgħa ta’ Kordin, u li fihom se jinbnew faċilitajiet sportivi għall-istudenti.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li hemm diversi raġunijiet għaliex l-MCAST għandu bżonn Kampus ġdid, fosthom iż-żieda kbira fl-istudenti f’dawn l-aħħar snin (minn 1,000 fl-2001 għal aktar minn 6,000 din is-sena). Il-Kampus il-ġdid se jkun jista’ jilqa’ mal-10,000 student ‘full-time’.

Raġuni importanti oħra għal campus ġdid hi li meta l-Istituti kollha tal-MCAST jingħaqdu f’post wieħed, ikunu jistgħu jużaw ir-riżorsi ta’ xulxin aħjar, u jikkollaboraw b’mod aktar faċli biex joffru korsijiet ġodda b’mod konġunt – b’hekk jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ tagħlim għall-istudenti.

Bħalissa, l-Istituti tal-MCAST qed jużaw strutturi li ma kienux ippjanati għat-tagħlim vokazzjonali bil-ħtiġijiet li jirrikjedu ż-żminijiet tal-lum – il-Kampus il-ġdid se joffri ambjent isbaħ u modern għall-istudenti, li jkompli jtejjeb l-esperjenza tat-tagħlim u jħajjar aktar studenti jkomplu bl-istudji tagħhom f’livelli post-sekondarji.

Il-bini tal-Kampus il-ġdid ġie ddisinjat biex ikollu l-ogħla livell ta’ konservazzjoni tal-enerġija. Fuq il-bjut kollha, se jitpoġġew saffi ta’ materjal biex iżomm it-temperatura fil-bini stabbli u jitnaqqas l-użu tal-elettriku għat-tħaddim tal-arja kkundizzjonata. Se jiġu wkoll installati sistemi ta’ pannelli fotovoltajċi biex jiġġeneraw l-elettriku u sistemi li jsaħħnu l-ilma bis-sħana tax-xemx. L-ilma tax-xita li jaqa’ fuq il-bjut se jinġabar fi ġwiebi taħt l-art sabiex jintuża fil-Kampus stess.

F’kull binja se jiġu installati sistemi ta’ immaniġġjar tal-konsum tal-enerġija ikun jista’ jiġi kkontrollat l-użu tal-energija u biex titnaqqas kemm il-ħela. Il-binjiet se jkollhom wkoll sistemi ta’ dawl li jkunu kapaċi jagħrfu l-livell ta’ dawl naturali fil-kamra u jipproduċu dawl artifiċjali skont kemm ikun hemm bżonn biss. Fl-istess waqt, dawn id-dwal jintfew weħidhom meta ma jkun hemm ħadd fil-kamra.

Il-Ministru kienet akkumpanjata minn Joe Farrugia, Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi u Prof. Maurice Grech Prinċipal tal-MCAST u minn Charles Farrugia, CEO u uffiċċjali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow