L-ANZJANI GĦANDHOM SEHEM IMPORTANTI FIS-SOĊJETA’
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’, Mario Galea għamlu żjara fiċ-ċentru ta’ SkolaSajf tal-Imsida, fejn għal din l-okkkażżjoni kienu preżenti wkoll numru ta’ anzjani mill-Imsida.
Madwar 3,500 tifel u tifla li jattendu fit-tielet sas-sitt klassi mill-iskejjel statali, tal-knisja u indipendenti, qegħdin jipparteċipaw fi Skolasajf ta’ din is-sena li matulha jipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi, sportivi, soċjali u logħob.
It-tema magħżula għal din is-sena hija “Solidarjeta` B’Impenn”. Dan fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea dedikata lill-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet.
Skolasajf 2012 fetħet il-bibien tagħha nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju u ser tibqa’ sejra sal-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2012, kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-9.00a.m. u 12.00p.m. Iċ-ċentri ta’ Skolasajf huma mqassmin madwar Malta u Għawdex biex kulħadd ikun moqdi. F’Malta nfetħu 46 ċentru filwaqt li f’Għawdex infetħu 11-il ċentru ieħor.
Tfal li jattendu ċ-Ċentri ta’ Riżorsi qegħdin jibbenefikaw minn programmi apposta għalihom tant li qed isiru sessjonijiet f’erba’ Ċentri ta’ Riżorsi f’Malta u ieħor f’Għawdex.
Hemm ukoll programm magħruf bħala Klabbsajf għal dawk it-tfal li tul is-sena skolastika jingħataw servizz ta’ għajnuna kumplimentari fil-litteriżmu. Dan il-programm hu maħsub apposta biex jgħin lil dawn it-tfal jimxu ’l quddiem fl-edukazzjoni. F’Malta infetħu tlettax-il Ċentru ta’ Klabbsajf filwaqt li f’Għawdex infetħu erba’.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li biex tkun tista’ ssir din l-inizjattiva qed jieħdu sehem ukoll madwar 200 student Universitarju – il-maġġoranza tagħhom mill-Fakulta’ tal-Edukazzjoni - madwar 120 kap/assistent kap/għalliem bħala koordinaturi fiċ-Ċentri ta’ Skolasajf u madwar 130 Learning Support Assistants.
Il-Programm ta’ ħidma għat-tfal fi Skolasajf jinkludi sessjonijiet ta’ tpinġija, drama, żfin, kant, mima, diskussjonijiet, kwiżż, sport u żjarat f’postijiet kulturali, industrijali u kummerċjali kemm fuq skala lokali kif ukoll fuq skala nazzjonali, per eżempju: fabbriki, mużewijiet, stazzjonijiet tar-radju, knisja parrokkjali, banek, uffiċċji u Kunsilli Lokali.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Dolores Cristina filwaqt li uriet l-apprezzament tagħha għall-ħidma tal-organizzaturi ta’ SkolaSajf u fissret din l-inizjattiva bħala waħda utli ħafna, faħħret l-idea li din is-sena ingħażlet it-tema “Solidarjeta b’Impenn” u li din is-solidarjeta’ qed tintwera b’mod partikolari mal-anzjani.
Hi faħħret is-sehem tal-anzjani fis-soċjeta u ħeġġet lit-tfal biex jibqgħu jħobbu lill-anzjani u jibqgħu jżuruhom u jiftakru fihom u jimxu fuq l-eżempju tagħhom. Fakkret li l-anzjani diġa’ taw ħafna lis-soċjeta u ħafna minnhom għadhom attivi fil-komunita’ fejn jgħixu u ħafna drabi għadhom jgħinu wkoll lill-familji.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità Mario Galea qal li Skolasajf hu proġett li rnexxa u joffri esperjenza kreattiva mill-aqwa għall-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri li jieħdu sehem fih b’tant ħeġġa kull sajf.
Mario Galea qal ukoll li kien ġest għaqli li din is-sena Skolasajf ispirat ruħha mill-prinċipji tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u għalhekk qed tiċċelebra x-xjuħija. Ix-xjuħija hi sinjal ta’ grazzja u barka. Ix-xjuħija mhux it-tmiem. Mhix ix-xitwa. Imma tista’ tkun ir-rebbiegħa ta’ fażi ġdida.
Mario Galea faħħar il-fatt li Skolasajf qed tibgħat messaġġ qalb it-tfal tagħna fuq l-importanza li l-anzjani jibqgħu attivi u jkunu forza dinamika fil-komunità fejn għexu, rabbew u trabbew.
Il-kelliem fakkar li l-anzjani m’għandhom xejn inqas minn kategoriji oħrajn tal-popolazzjoni. Kibru fl-età verament imma m’għandhomx jingħataw il-ġenb ghax huma mill-iktar kontributuri validi għall-pajjiż.
Din is-sena waqt Skolasajf, is-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità qassam il-ktieb In-Nannu Nesa x’Jisimni miktub minn Trevor Zahra u illustrat minn C.S. Lawrence. Il-ktieb jgħin lit-tfal biex jitgħallmu iktar fuq id-dimensja b’mod ħafif u prattiku.
Mario Galea qal li quddiem din il-problema t-tfal bosta drabi jħossuhom mitlufa u ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu. Il-ktieb jippreprahom jifhmu l-kundizzjoni u jqajjem bosta mistoqsijiet fosthom: x’inhi d-dimensja? Jekk id-dimensja tistax tittieħed?, Għaliex l-individwu milqut qed iġib ruħu b’mod li jidher stramb? U l-effetti li tħalli fuq il-familjari d-dimensja u l-individwu li tolqtu.
Mario Galea żied jgħid li l-ktieb għandu ukoll l-għan li jkisser perspettivi żbaljati dwar id-dimensja. Sikwit jiġri lir-ricerka ssir fuq l-internet u allura t-tfal mhux dejjem isibu materjal adattat ghalihom. Problema oħra hi lit-tfal jafu jiltaqgħu ma’ materjal li ma jkunx miktub minn għajn awtorevoli fuq il-materja.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017