Left arrow Go Back

TLESTIJA TA’ AKTAR PROĠETTI FFINANZJATI MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX

pr1714
Date Icon 01/08/2012

F’Għawdex ġew konklużi sitt proġetti oħra li ġew iffinanzjati minn skemi tal-Ministeru għal Għawdex għall-Kunsilli Lokali u NGOs Għawdxin. Dawn il-proġetti twettqu minn erba’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u Kunsill Lokali f’Għawdex u huma kollha konformi mal-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni Eko Għawdex 2010 – 2012.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ltaqgħet ma’ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u l-Kunsill Lokali li bbenefikaw minn dawn l-iskemi biex iwettqu dawn il-proġetti u ppreżentatilhom il-kontribuzzjonijiet finanzjarji rispettivi. Dawn kienu jinkludu l-Kunsill Lokali tal-Fontana, l-Għaqda Din l-Art Ħelwa, il-Maltese Islands Agri Federation, is-Soċjetà Filarmonika Mnarja tan-Nadur u s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija taż-Żebbuġ.

Il-Kunsill Lokali tal-Fontana wettaq żewġ proġetti. Wieħed marbut mal-bini mill-ġdid u restawr tal-arkati storiċi magħrufa bħala L-Għajn tal-Loġoġ li tinsab qrib l-Għajn tal-Ħassellin u installazzjoni ta’ pannel gwida li jispjega l-istorja tas-sit f’diversi lingwi; kif ukoll proġett ieħor li kopra l-installazzjoni ta’ dawl dekorattiv fit-toroq, li jaħli inqas enerġija.

Il-proġett imwettaq mill-Għaqda Din l-Art Ħelwa jinkorpora l-installazzjoni ta’ interpretation panels fit-Torri tax-Xlendi, fit-Torri ta’ Santa Marija f’Kemmuna, fil-Batterija ta’ Santa Marija f’Kemmuna u fil-Batterija tal-Qala. Parti oħra tal-proġett hija dik tal-produzzjoni tad-DVD A Tale of Two Towers, DVD ta’ madwar nofsiegħa li juri fortifikazzjonijiet sinifikanti f’Għawdex u f’Kemmuna filwaqt li jagħti tagħrif dwarhom u dwar l-importanza storika tagħhom.

Minn naħa tagħha, il-Maltese Islands Agri Federation organizzat korsijiet ta’ taħriġ għall-operaturi fl-industrija tal-ikel agrikolu. Dan bil-għan li jkun assigurat li l-bdiewa jkollhom l-għarfien meħtieġ biex jimxu mar-regolamenti meta jipprovdu prodotti agrikoli biex jintużaw għall-ipproċessar.

Is-Soċjetà Filarmonika Mnarja biddlet id-dwal fit-teatru tal-każin tal-banda għal dawk li jaħlu inqas enerġija, filwaqt li s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija wettqet proġetti marbuta mal-konservazzjoni tal-ilma, tnaqqis fl-emissjonijiet, kif ukoll titjib fl-aċċessibiltà. Dawn jinkludu l-bini ta’ ġibjun tal-ilma, installazzjoni ta’ dwal li jaħlu inqas enerġija u installazzjoni ta’ lift.

Permezz tal-iskemi għall-Kunsilli Lokali u Organizzazzjonijiet mhux governattivi Għawdxin, f’Għawdex ser ikunu saru madwar sittin proġett b’investiment ta’ madwar €2.5 miljun.

Il-Ministru għal Għawdex uriet is-sodisfazzjon għal mod pro-attiv li bih ġew milqugħa dawn l-iskemi u fissret kif il-proġetti li twettqu koprew firxa wiesgħa ta’ setturi. “B’hekk qed ikunu wkoll ta’ kontribut validu fit-twettieq tal-Pjan ta’ Azzjoni Eko Għawdex li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli għal gżira ta’ Għawdex”, żiedet tgħid l-Onor. Debono.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow