Left arrow Go Back

DISKORS TAL-ONOR. JOSEPH CASSAR, MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITA` WAQT L-INAWGURAZZJONI TAD-DOKUMENTI “IR-REGOLAZZJONI U L-ISTANDARDS U L-EFFETTI TAGĦHOM FUQ IL-GOVERNANZA FIL-KURA TAS-SAĦĦA” U “L-ISTANDARDS NAZZJONALI GĦAT-TRASFUŻJONI T

pr1703
Date Icon 31/07/2012

Il-kwalita` tal-kura fil-qasam tas-saħħa hija ta’ priorita` stabbilita għall-gvern, li tul dawn l-aħħar snin ingħatat iżjed importanza. Il-kwalita`, flimkien mal-affordabbilta` u s-sostenibbilta`, hija waħda mit-tliet pilastri li fuqhom il-gvern jibbaża l-politika tiegħu fil-qasam tas-saħħa.

Sabiex jassigura li jinżammu l-ogħla livelli ta’ kwalita` fis-settur tas-saħħa, erba’ snin ilu, il-Ministeru ħaseb biex jifred l-irwol tat-Tabib Ewlieni tal-Gvern u dak tas-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika. Din il-firda fl-irwoli issa għandha qafas leġislattiv u għalhekk l-operatur tas-servizz huwa totalment distint mir-regolatur.

Bħala riżultat ta’ din il-firda fir-responsabbiltajiet, is-Sovrintendenza tas-Saħħa Publika issa għandha rwoli distinti u speċifiċi.  Barra mir-responsabbiltajiet tagħha biex tħares is-saħħa pubblika tal-pajjiż permezz tal-infurzar tal-liġijiet, is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika tfittex li tistabbilixxi u żżomm l-aqwa standards ta’ kwalita` fis-servizzi u l-kura li tingħata lill-poplu tagħna.  Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nara l-metodu professjonali u xjentifiku li qed taddotta s-Sovrintendenza fil-formulazzjoni u t-tnedija tal-istandards nazzjonali fil-qasam tas-saħħa. 

Illum bi pjacir qed inniedu l-ewwel sett ta’ standards nazzjonali – l-istandards nazzjonali għat-trasfużjoni tad-demm.

Il-kura ta’ pazjenti permezz tal-għoti tad-demm u prodotti tad-demm saret suġġett importanti fil-kura ta’ kwalita`. It-trasfużjoni tad-demm qegħda tintuża bħala kura għal ħafna kundizzjonijiet u qegħda tiġi pprattikata fl-oqsma kollha tal-mediċina u l-kura klinika. Dawn it-trasfużjonijiet tad-demm m’humiex mingħajr perikli. Biex wieħed jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurta` tal-pazjent irid ikun hemm ukoll kriterji serji fl-użu ottimali tad-demm u prodotti tad-demm fil-kura klinika, prattiċi siguri fil-qasam tat-trasfużjoni, kif ukoll illi jkun hemm sistema ta’ monitoraġġ ta’ reazzjonijiet u inċidenti avversi relatati mat-trasfużjoni tad-demm. Kien għahekk illi ġew miktuba dawn l-istandards nazzjonali dwar it-trasfużjoni tad-demm biex jiġi assigurat illi tul il-proċess kollu li jwassal għat-trasfużjoni innifisha tkun mħarsa s-sigurta` tal-pazjent.

Matul is-sena 2011, ġew trasfużi 19,000 unit ta’ demm lil 8,219 pazjent differenti ġewwa l-Isptar Mater Dei biss. Minkejja l-kwantita` għolja ta’ demm li ġie trasfuż, ġew irrapportati biss 45 reazzjoni relatati mat-trasfużjoni tad-demm. Ħafna minn dawn ir-reazzjonijiet kienu reazzjonijiet ħfief bħal deni u reazzjonijiet allerġiċi. Ma kien hemm l-ebda reazzjoni relatata mal-kwalita` tad-demm jew ma’ xi żbalji fl-amministrazzjoni tad-demm bħal trasfużjoni lill-pazjent b’ieħor.

F’dan il-qasam is-Sovrintendenza dwar is-Saħħa Pubblika hi l-istituzzjoni illi tassigura illi dawn l-istandards u miżuri jiġu implimentati. Barra minn hekk, id-Direttorat għal Standards dwar il-Kura tas-Saħħa fi ħdan din is-Sovrintendenza qiegħed imexxi l-infurzar ta’ din is-sistema ta’ irrapportar ta’ reazzjonijiet u okkorrenzi avversi relatati mat-transfużjoni. F’dan l-aspett, tul dawn l-aħħar snin kien hemm bosta żviluppi, fosthom it-twaqqif ta’ Unit g]all-Emoviġilanza u t-twaqqif tas-sistemi u strutturi istituzzjonali neċessarji għal dan l-irrapportar. Jiġi ppubblikat Rapport Nazzjonali Malti dwar l-Emoviġilanza għal kull sena bħala wieħed mill-obbligi tal-irrapportar lill-Kummissjoni Ewropea.

It-twaqqif ta’ din is-sistema ta’ emoviġilanza hu importanti wkoll minħabba l-obbligi legali li ġew  imposti mil-ligi.  Bħala professjonisti tas-saħħa, aħna għandna responsabbilta` professjonali u obbligu legali illi nsegwu dawn ir-regolamenti.

L-irrapportar ta’ reazzjonijiet u inċidenti avversi hu mportanti għall-entitajiet li fihom jingħata d-demm għaliex dawn l-entitajiet jistgħu jitgħallmu ħafna minn dan l-irrapportar. Dan għaliex għandha dejjem tiġi inkorraġġuta mentalita` ta’ kultura miftuħa u ġusta illi tenfasizza l-ħtieġa illi professjonisti tas-saħħa jfittxu r-raġunijiet għalfejn isiru l-iżbalji u jitgħallmu minn dan, bl-iskop illi tikber is-sigurta` fil-kura tal-pazjenti.

Nixtieq nagħlaq billi nappella lil ‘stakeholders’ kollha biex jaghtu l appoġġ tagħhom fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni, u fiż-żamma tal-istandards hekk kif inhuma determinati mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika. Nemmen li bħala professjonisti aħna lkoll b’mod individwali u kollettiv ninsabu responsabbli li nassiguraw l-aqwa kura għall-poplu tagħna.

Jiena fiduċjuż li lkoll se nfittxu li nipparteċipaw, nikkoperaw, u nagħtu sehemna biex inkomplu ntejbu l-kwalita` ta’ kura li nagħtu lill-poplu tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow