RIŻULTATI POŻITTIVI MILL-PROGRAMM NWAR
Il-programm NWAR immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qed jagħti riżultati pożittivi u permezz tiegħu tfal li jkollhom problemi u sat-tielet sena tal-primarja ma jkunux kisbu kompetenzi bażiċi fil-litteriżmu qed jirnexxielhom jagħmlu dan wara li jagħmlu korsijiet f’dan il-programm.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina dalgħodu żaret żewġ klassijiet fiċ-Ċentru NWAR tal-Ħamrun fejn iltaqgħet ma’ tfal li qed jagħmlu dan il-programm u t-tutors professjonisti tagħhom.
NWAR hu programm ta’ Litteriżmu għall-Familja maħsub biex jgħin studenti jiksbu l-kompetenzi bażiċi tal-litteriżmu.
F’dawn il-każi, tutors professjonali mħarrġa, jiżviluppaw programmi personalizzati għal gruppi żgħar ta’ studenti u l-ġenituri tagħhom b’sessjonijiet intensivi ta’ darbtejn f’ġimgħa.
NWAR beda f’nofs l-2002. Fil-preżent il-programm għandu 10 ċentri, wieħed f’kull kulleġġ. Is-servizz jaċċetta studenti riferuti minn skejjel u mill-Statementing Moderating Panel u minn diversi servizzi psiko-soċjali fi ħdan id-Direttorati tal-Edukazzjoni u jitqies bħala miżura ta’ prevenzjoni kontra l-esklużjoni soċjali.
L-istudenti, flimkien mal-ġenituri/tutors tagħhom, jipparteċipaw fi programm intensiv (grupp ta’ 3) fil-lingwa Maltija mifrux fuq perjodu ta’ semestru jew iktar b’possibilità ta’ estensjoni għal-lingwa Ingliża.
Għal matul ix-xhur tas-Sajf hemm programm apposta. Din is-sena das-servizz ġie estiż għal sessjonijiet ta’ 3 siegħat ta’ darbtejn fil-ġimgħa mifruxa fuq perjodu ta’ 7 ġimgħat u jsir f’ċentru fil-Ħarmun, Bormal u ieħor f’Għawdex. 35 tifel u tifla bħalissa qed jibbenefikaw minn das-servizz.
Fl-2012, ġie mniedi programm ieħor tas-Sajf għal dawk l-istudenti kollha li huma eliġibbli għas-servizz ta’ NWAR u li għadhom fuq il-lista tal-istennija u għaldaqstant għadhom ma bdewx jingħataw is-servizz ta’ NWAR. Fil-preżent, 13-il student ieħor qed jibbenefika minn das-servizz li għadu kemm ġie mniedi.
Il-Ministru Cristina qalet li fatturi li jikkontribwixxu għas-suċċess tal-programm NWAR huma: l-parteċipazzjoni attiva tal-ġenituri/tutors, il-metodoloġija multi-sensorjali li tiġi pprattikata u l-mod kif l-għalliema tal-NWAR jilħqu kemm lill-istudenti kif ukoll lill-ġenituri; l-istima personali tal-istudent hija l-ħin kollha rinfurzata permezz ta’ kummenti pożittivi. Il-ġenituri/tutors huma appoġġjati wkoll biex jieħdu sehem attiv u jkunu partners fil-proċess edukattiv ta’ uliedhom.
Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi bħalissa, qed taħdem mill-qrib mad-Dipartiment tal-Assikurazzjoni tal-Kwalità (QAD) tad-Direttorat tal-Edukazzjoni biex tkun tista’ toħloq sistema ta’ assessjar mibnija fuq l-utilità tac-Checklist tal-Ħiliet Bażiċi li tista’ sservi bħala għodda bażi għall-eliġibbiltà tal-istudenti li l-aktar għandhom bżonn.
Qed isiru ukoll diskussjonijiet biex is-servizz isir wieħed iktar lineari u kemm jista’ jkun is-servizz NWAR u l-iskola ta’ filgħodu jkunu tkomplija wieħed tal-ieħor biex b’hekk l-edukaturi jaraw il-programm NWAR bħala waħda mill-istrateġiji li huma jistgħu jadottaw biex jindirizzaw il-bżonnijiet bażiċi tal-istudenti permezz ta’ Statutory Action Plan. (SAP)
Matul is-sena skolastika li għaddiet fl-ewwel semestru bejn Ottubru 2011 sa Frar 2012 is-servizz ta’ NWAR ingħata lil 233 tfal minn 43 tutor imħarrġa apposta. Fit-Tieni Semestru, minn Marzu sa Ġunju 2012 ibbenefikaw 273 tfal li kellhom jgħallmuhom 46 tutor.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017