821 FAMILJA JINGĦATAW L-OPPORTUNITÀ JSIRU SIDIEN TA’ DJARHOM
821 familja, li jgħixu f’residenzi tal-Gvern f’16-il lokalità differenti, qed jingħataw l-opportunità jsiru sidien ta’ djarhom. Il-familji kollha diġa kienu ikkuntattjati mill-Awtorità tad-Djar u diġa saru sitt laqgħat ta’ informazzjoni inkluż waħda f’Għawdex.
Id-dettalji ngħataw waqt it-tnedija tal-iskema Sir Sid Darek mill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said u mill-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi. L-iskema Sir Sid Darek hi amministrata mill-Awtorità tad-Djar u hi possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet.
Il-Ministru Chris Said spjega li l-Awtorità tad-Djar tibqa’ impenjata li tipprovdi kemm housing soċjali kif ukoll housing affordabbli jiġifieri bi prezzijiet jew b’kirjiet issussidjati. Kien għalhekk li fix-xhur li għaddew il-Gvern u l-Awtorità tad-Djar ħarġu skemi bħal Darek Faċli li tinvolvi l-bejgħ ta’ aktar minn 123 residenza u 98 garaxx bi prezz issussidjat. Għal din l-iskema intefgħu aktar minn 800 applikazzjoni. Skema oħra, imsejħa Skema Kiri, ukoll attirat interess sostanzjali għaliex permezz tagħha kienu identifikati 600 propjetà privata li huma vojta u li s-sidien tagħhom lesti jikruhom lill-Awtorità tad-Djar. Bħalissa qed isir proċess ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-propjetajiet.
Il-Ministru Chris Said tkellem dwar kif f’Malta tlieta minn kull erba’ familji jgħixu f’dar ta’ propjetà tagħhom. Din l-istatistika hi indikattiva għal fatt li l-Maltin u l-Għawdxin jippreferu jkunu sidien ta’ djarhom. Kien għalhekk li l-Gvern u l-Awtorita’ tad-Djar għażlu li jagħtu opportunità lill-familji li jakkwistaw il-propjetà tal-Gvern li jgħixu fiha.
Il-Ministru Jason Azzopardi qal li dan huwa pass importanti li l-Gvern qed jagħmel biex juri kemm hu sensittiv għal bzonnijiet ta’ dawk il-familji li ilhom snin twal jgħixu f'dar li qatt ma kienet tagħom. Huwa qal li permezz ta’din l-iskema, mijiet ta’ familji se jkunu jistgħu joffru serħan il-moħħ lil uliedhom u lill-eredi tagħhom, għaliex issa se jkunu jistgħu jgħaddulhom il-propjeta tagħhom bi dritt. Il-Ministru qal li fl-aħħar Budget il-Gvern alloka 3 miljuni għall-Home Ownership scheme sabiex mijiet ta’ familji jkunu jistgħu isiru sidien ta’ djarhom, wara li ilhom minn 1981 jgħixu fuq konvenju, minħabba li l-Gvern ta’ dak iż-żmien ma ħallasx għall-art illi ħa. Huwa qal li s’issa hemm diversi Housing Estates fejn l-art li qegħdin mibnija fuqha qed tiġi akkwistata mid-Dipartiment tal-artijiet. Dawn jinkludu Għar Barka fir-Rabat, l-Gudja, Raħal il-Gdid, Nadur Għawdex, Burmarrad u ż-Żurrieq. Bħalissa qed isir ukoll xogħol fuq il-Housing Estate ta’ Kircippu fis-Siggiewi, fl-Imqabba u M’Skala sabiex isir l-ħlas fuqhom is-sena d-dieħla, biex b’hekk aktar familji jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom.
Il-familji li huma eliġibbli biex igawdu mill-iskema Sir Sid Darek huma residenti f’dawn il-lokalitajiet: il-Birgu; Bormla; l-Isla; l-Imġarr; Ħal Qormi; ir-Rabat; San Ġiljan; San Ġwann; Santa Luċija; Ta’ Xbiex; Ħal Tarxien; il-Belt Valletta; ir-Rabat Għawdex; Ħaż Żabbar; Ħaż Żebbuġ u ż-Żejtun.
Informazzjoni addizzjonali dwar l-iskema Sir Sid Darek
L-iskema Sir Sid Darek hi miftuħa għall-inkwilini:
li ilhom kerrejja konoxxuti tar-residenza tagħhom għal aktar minn seba’ snin, liema residenza tkun propjetà tal-Gvern; u li ilhom residenti f’Malta u fil-post li fuqu qed issir it-talba għal aktar minn seba’ snin konsekuttivi;
Il-prezz kummerċjali ikun stabbilit skont id-daqs tal-post, il-lokalita’ fejn jinsab, it-tqassim tal-bini, l-eta’ tal-post u l-ambjent tal-madwar.
Il-prezz tax-xiri tal-proprjetà assoluta tad-dar ta’ abitazzjoni tal-Awtorità tad-Djar għandu jkun il-prezz issussidjat tax-xiri kif stabbilit mill-Awtorità wara li jitnaqqas is-sussidju u jekk applikabbli.
Is-sussidju jiġi kkalkulat skont in-numru ta’ snin li l-applikant ikun ilu kerrej konoxxut fid-data tat-tħabbir ta’ din l-iskema. Jingħata:
2% sussidju fuq il-prezz kummerċjali għal kull sena li l-applikant ikun ilu kerrej konoxxut, sa massimu ta’ 60% f’każ li l-applikant ma jkollux assi kapitali ta’ aktar minn €100,000;
jew 1% sussidju fuq il-prezz kummerċjali għal kull sena li l-applikant ikun ilu kerrej konoxxut sa massimu ta’ 30% f’każ li l-applikant ikollu assi kapitali aktar minn €100,000.
Il-benefiċjarju għandu żewġ għażliet biex jakkwista l-proprjetà mikrija lilu mill-Awtorità tad-Djar:
iħallas 10% tal-prezz issussidjat mal-konvenju u eventwalment iħallas il-bilanċ mal-kuntratt finali. Jingħata wkoll 5% sussidju ieħor fuq il-prezz kummerċjali meta l-benefiċjarju jakkwista l-fond permezz ta’ din l-għażla; jew iħallas 40% tal-prezz issussidjat fuq konvenju reġistrat u eventwalment iħallas il-bilanċ f’pagamenti kull xahar mingħajr imgħax fuq medda ta’ mhux aktar minn 15-il sena.
Il-partijiet komuni m’humiex inklużi fil-bejgħ.
Il-propjetà mixtrija għandha tintuża biss għal skopijiet ta’ residenza u għall-perjodu ta’ mhux anqas minn għaxar snin mill-kuntratt.
F’każ li din il-proprjetà tinbiegħ qabel l-għeluq ta’ għaxar snin mill-kuntratt, il-benefiċjarju għandu jirrifondi lura lill-Awtorità tad-Djar kull sussidju gawdut.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Awtorità tad-Djar. L-Uffiċċju tal-Customer Care jilqa’ l-pubbliku nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa bejn it-8:00am u l-11:30am. In-numru tal-Customer Care 22991100 ikun miftuħ kuljum bejn it-8:00am u l-11:30am.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017