DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT RIĊEVIMENT GĦALL-BENEFIĊJARJI TA’ SKEMI TAL-GVERN GĦALL-SMEs, FIL-GRAND HOTEL, L-IMĠARR, GĦAWDEX - IL-ĠIMGĦA, 27 TA’ LULJU 2012
Sinjuri,
Huwa ta’ pjaċir li nkun magħkom u fostkom illum, sidien ta’ negozji żgħar, imprendituri Għawdxin.
L-ewwel kelma tiegħi lejkom hija grazzi.
Grazzi għall-fiduċja li wrejtu fl-ekonomija tal-pajjiż, fl-ekonomija ta’ Għawdex b’mod partikulari meta għażiltu li tinvestu fin-negozju tagħkom; biex bdejtu negozju ġdid jew biex espandejtu dak eżistenti. Intom mhux biss għażiltu li toħolqu l-ġid għalikom infuskom iżda għażiltu li toħolqu l-ġid għal ħaddieħor, anki permezz tal-impjiegi li qed toħolqu.
Huwa ta’ sodisfazzjon li niltaqa’ ma’ diversi sidien ta’ negozji, involuti f’oqsma differenti tal-ekonomija Għawdxija, jikkontribwixxu biex jinħolqu aktar impjiegi. Is-suċċess ta’ pajjiż ma jiddependix minn xi ħadd waħdu. La jiddependi mill-Gvern biss, u lanqas jiddependi mill-imprenditur biss. Jiddependi ħafna mill-għażliet u mid-direzzjoni li jkun miexi biha l-Gvern, iżda jiddependi wkoll mill-investiment li jagħmel min hu fin-negozju. Din hi l-viżjoni tagħna għall-ekonomija tal-pajjiż. Nagħtukom l-għodda, biex intom tkunu tistgħu taħdmu u twettqu fil-prattika l-ideat tagħkom għan-negozju.
Il-Gvern matul l-aħħar snin ħoloq diversi skemi li jagħtu vantaġġ akbar lil min hu fin-negozju f’Għawdex. Sidien ta’ negozji żgħar li għandhom investiment f’Għawdex jingħataw tnaqqis fl-income tax ta’ 60% fuq l-investiment li jagħmlu u l-impjiegi ġodda li joħolqu. F’Malta t-tnaqqis hu ta’ 40%.
B’sodisfazzjon ninnota li mill-1,600 benefiċjarju li kellna s’issa mill-iskema tal-MicroInvest, aktar minn 400, jiġifieri 25% tal-benefiċjarji kollha, huma Għawdxin. Barra minn hekk 18-il intrapriża oħra f’Għawdex ħadu l-iskema tal-Micro Credit. Intom qed tieħdu deċiżjonijiet li tinvestu aktar għaliex temmnu fl-ekonomija Għawdxija. Qed taraw prospetti aħjar għalikom infuskom.
Il-Gvern, bil-fatti, mhux bil-kliem, qed jagħti l-aqwa għodda lis-sidien ta’ negozji biex tkunu tistgħu taħdmu.
Dan kollu qed jagħti riżultati. Fl-aħħar 4 snin, il-vacancies mal-ETC żdiedu minn sena għal oħra u s-sena li għaddiet min iħaddem talab lill-ETC tibgħatlu kważi 800 ħaddiem għall-impjiegi li riedu ħaddiema għalihom. Iżda m’aħniex se nieqfu hawn. Fil-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Baġit għal din is-sena kellna diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tas-sidien tan-negozju, Maltin u Għawdxin. Filwaqt li kien hemm reazzjoni tajba ħafna għall-iskemi li semmejt, semmejtulna aspett partikulari biex jiġi trattat b’mod aktar b’saħħtu: dak tal-garanziji fuq is-self.
Propju għalhekk, din il-ġimgħa ħabbarna skema oħra ta’ importanza kbira għas-sidien ta’ negozji. Nafu, li ħafna drabi, sidien ta’ negozji jiġu b’ideat tajbin ħafna dwar xi negozju ġdid jew kif jistgħu jespandu n-negozju tagħhom, iżda l-problema tkun il-finanzjament ta’ tali idea. B’din l-iskema, imsejħa MicroGuarantee li se tkun amministrata mill-Malta Enterprise, u li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu, min se jitlob self biex jinvesti se jkun qed jintalab sigurtà li tkopri biss 10% tas-self meħtieġ. Din hi opportunità importanti biex intkom u sidien ta’ negozji bħalkom, tkomplu tittrasformaw l-ideat tagħkom fi proġetti li jħallu l-frott, għalikom u għall-familji Maltin u Għawdxin.
Din l-iskema hija parti importanti mill-istrateġija ekonomika tal-Gvern. Strateġija li hija mmirata li tkompli tipprovdi l-għodda meħtieġa biex inkomplu naffrontaw u nirbħu l-isfidi kbar li għad hemm quddiemna – ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja li qed tkompli tniżżel pajjiżi kbar u b’saħħithom għarkupptejhom, b’konsegwenzi soċjali li ċertament ma nixtiequ naraw qatt f’pajjiżna. Kull ġurnata rridu naħdmu b’għaqal u nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba u fil-ħin.
Riċentament l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol ippubblikat rapport li fih sostniet li Malta flimkien mal-Ġermanja huma l-uniċi żewġ pajjiżi Ewropej li żiedu l-postijiet tax-xogħol tagħhom meta mqabbla mal-perjodu ta’ qabel il-kriżi. Anki f’Għawdex l-impjiegi llum huma aktar milli kienu fl-2007. It-tkattir tax-xogħol hu riżultat tad-deċiżjonijiet li ħadna biex inħajru aktar investiment ġdid, u biex min diġà għandu investiment, sew jekk lokali kif ukoll barrani, jinvesti aktar. Mertu ta’ dan hu wkoll tagħkom.
L-isfidi fil-qasam ekonomiku huma kbar u qed inkomplu nindirizzawhom. F’Għawdex nafu li l-isfidi huma differenti u għalhekk fi skemi li għamilna, tajna inċentivi akbar lill-Għawdxin.
Il-Gvern hu determinat li jkompli joħloq aktar opportunitajiet ta’ investiment u xogħol għalikom bi skemi u proġetti differenti. L-isforzi tagħkom li tinvestu aktar, ikomplu jimluna bil-kuraġġ biex, flimkien, nibqgħu naħdmu f’din id-direzzjoni biex noħolqu aktar kummerċ u negozju u b’hekk jiżdiedu aktar l-impjiegi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017