DISKORS TA’ L-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMMUNIKAZZJONI FL-INAWGURAZZJONI TAL-PONT TA’ SANT’IERMU, FIL-BELT VALLETTA - 24 TA’ LULJU, 2012
Fuq in-naħa tal-lemin tiegħi, is-swar, simbolu tal-Kavallieri li emmnu f’pajjiżna. Fuq ix-xellug tiegħi, il-breakwater, simbolu tat-tmexxija Ingliża li investew f’pajjiżna għax emmnu fih ukoll.
Illum jien onorat li qed nirrappreżenta Gvern li tant jemmen fil-qawwa tal-pajjiż, fil-ħila u fis-suċċess tal-poplu tagħna li llum poġġieh fiċ-ċentru Ewropew u dinji tas-settur turistiku, tas-settur marittimu, tal-avjazzjoni, tal-kummerċ, tat-teknoloġija, tat-tagħlim – dawn kollha jsawwru l-identità tagħna.
Wara 470 sena mit-tisħiħ tal-Forti Sant’Iermu u wara 106 snin mill-bini tal-breakwater, illum ninsabu hawn biex ninawguraw is-simbolu ta’ rinaxximent ieħor tal-Port il-Kbir ta’ Malta. Wara 65 sena nieqes, mill-Gwerra ‘l hawn, illum qed nuru lid-dinja li Malta, b’rajha f’idejha, baqgħet tiġġedded.
Sittin sena ilu, il-pont, parti mill-breakwater li jagħti wens lill-Malta mill-qilla tal-baħar, twaqqa’ u kull Malti – speċjalment l-anzjani tagħna, kull darba li jgħaddu minn hawn, il-fatt li pont ma kienx għadu hemm kienet weġgħa f’qalbhom għax jiftakru fit-traġedja tat-Tieni Gwerra Dinjija u t-tbatijiet li kellhom jgħaddu minnhom.
Minn wara l-kisba tal-Indipendenza, kull Gvern wara l-ieħor, dejjem ikkunsidra li dan il-pont jerġa’ jinbena. Wara aktar minn 65 sena, dan il-Gvern irnexxielu! L-istess kif qed jirnexxielu jiġġenera u jagħti d-dinjità mistħoqqa lill-Belt Valletta, il-belt tagħna lkoll. Fil-fatt dan huwa simbolu tal-bidliet u l-proġetti kollha li bdew iseħħu fl-aħħar erba’ snin kemm fil-Belt, il-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsamxett.
Dan il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fil-proġetti kapitali bl-iskop li jinħoloq ix-xogħol, bil-familji tal-ħaddiema jgawdu dak li qalgħu mill-ħidma sfiqa li qed isir.
Biżżejjed wieħed isemmi l-proġett ta’ Bieb il-Belt, il-proġett tal-pavimentar ġdid tat-toroq ċentrali tal-belt, il-lift tal-Barrakka, ir-restawr li beda fuq Sant’Iermu, ir-restawr fuq is-swar madwar il-Belt, ir-restawr tal-Berġa ta’ Kastilja, ir-restawr ta’ Bieb il-Vitorja, Pjazza San Ġorġ.
Kburi li qed nerġgħu noħroġu l-ġmiel tal-ġojjell li ħallewlna missirijietna filwaqt li nkomplu niġġeddu.
Il-Belt Valletta nbniet bl-iskop li tipproteġi l-kumplament tal-gżira. Illum il-Belt Valletta hija kalamita tal-qofol tal-politika u l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Ta’ kuljum eluf ta’ turisti jżuru l-Belt Valletta. Biżżejjed insemmi l-kważi 76,000 turist li żaru lill-pajjiżna tul l-ewwel 5 xhur ta’ din is-sena permezz tal-cruise liners. Biżżejjed wieħed jinnota n-nofs miljun persuna li jżuru l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Dawn kollha jikkontribwixxu b’xi mod jew ieħor fl-ekonomija Maltija.
Dan il-Gvern irid ikompli jsaħħaħ din il-kalamita għat-turiżmu permezz ta’ monumenti bħal dan ta’ warajja. Żgur li dan il-pont se jitniżżel bħala destinazzjoni unika li kull min jżur lill-pajjiżna jrid jesperjenzaha – kemm għad-dehra spettakolari li joffri minn fuqu kif ukoll minħabba li ta’ kull filgħaxija se jkun spettaklu minnu nnifsu.
Dan il-pont jinsab eżatt fil-bokka, mhux biss ta’ l-aktar port bieżel f’pajjiżna iżda fl-isbaħ port fil-Mediterran. Il-pont reġa’ nbena bħala aspirazzjoni li naffrontaw il-ġejjieni b’enerġija ġdida imma dejjem fuq il-valuri li sawwruna bħala poplu.
Dan il-proġett inqisu simbolu ta’ l-isforz kontinwu li jagħmlu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin biex dan il-pajjiż immexxuh ‘il quddiem, b’viżjoni ċara ta’ fejn irridu ntejbu u ta’ fejn irridu nwassluh.
Dan il-Gvern qatt ma beża’ jaffronta l-futur u dejjem għamel dan b’enerġija ġdida għall-ġid tal-poplu kollu.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017