JIĠI MNIEDI SIT ELETTRONIKU ĠDID GĦALL-AWTORITA TA’ MALTA GĦALL-KOMPETIZZJONI U GĦALL-AFFARIJET TAL-KONSUMATUR
Dalgħodu ġiet mnedija l-website l-ġdida tal-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijet tal-Konsumatur. Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi ta d-dettalji dwar dan is-sit li se jkun qed jiffaċilita aktar il-kommunikazzjoni bejn l-Awtorità u l-konsumatur innifsu. Il-Ministru Azzopardi spjega li l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) twaqqfet f’Mejju tal-2011 u l-għanijiet prinċipali tagħha fost l-oħrajn huma; li tissalvagwardja l-interessi tal-konsumaturi u ttejjeb l-ħarsien tagħhom, li tippromwovi prattiċi ta’ negozju tajba u li taddotta u tikkordina standards fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi. Huwa spjega li sal-lum l-informazjoni meħtieġa kienet tinsab biss fil-websites ta’ dawk l-entitajiet li kienu jiffurmaw l-Awtorità jiġifieri; l-Malta Standards Authority (MSA), id-Dipartiment tal-Konsumatur u Kompetizzjoni (CCD) u l-Laboratorju Nazzjonali (MNL).
Is-Sur Francis Farrugia, Chairman tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qal li li l-website tinkludi aħbarijiet riċenti relevanti max-xogħol ta’ l-Awtorità li jinkludu wkoll ‘Public Warnings’, stqarrijiet maħruġa mill-Awtorità, lista aġġornata tal-mediċini li l-prezz tagħhom naqas, kopji tar-rivista ‘L-Għażla’ li ħarġu s’issa, lista ta’ organizzazzjonijiet li rċevew ċertifikati mill-Awtorità, is-servizzi ta’ laboratorju mgħotija mil-Awtorità u dokumenti maħruġa mill-Awtorità. Iktar ‘il quddiem, wieħed se jkun jista’ jsib ukoll f’dan is-sit, deċiżjonijiet maħruġa mit-Tribunal, lista ta’ prodotti li nstabu li mhumiex konformi mar-Regolamenti u akkwist dirett ta’ ‘standards’ on-line.
Il-Ministru Azzopardi qal li l-għan prinċipali ta’ dan is-sit elettroniku huwa li jservi ta’ mezz ta informazzjoni kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji b’mod speċjali għal dawk in-negozji ż-żgħar. Fil-website hemm numru ta’ formoli li jistgħu jintużaw kemm min-negozjanti biex jirreġistraw prodotti li jridu jdaħħlu Malta u kemm mill-konsumaturi li jkunu jridu jagħmlu l-ilmenti tagħhom. Huwa qal li s-sit għandu jservi bħala sors ta’ informazzjoni sabiex wieħed jaġġorna ruħu dwar regolamenti u direttivi ġodda tal-Unjoni Ewropea fis-setturi tal-kompetizzjoni, affarijiet tal-konsumatur, ikel b’mod speċjali labelling li wkoll jaqa’ taħt l-Awtorità u sikurezza tal- prodotti.
Il-Ministru fakkar li bħalissa għaddejjin għal konsultazzjoni pubblika żewġ dokumenti, wieħed dwar prodotti agrikoli ta’ oriġini Maltija u ieħor dwar strateġija nazzjonali għal edukazzjoni tal-konsumatur. Din l-informazzjoni dwar dawn id-dokumenti jinstabu f’dan is-sit elettroniku sabiex l-konsumatur jkun jista’ jsemma’ leħnu u jipparteċipa f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. L-indirizz tal-website l-ġdida, huwa www.mccaa.org.mt.
Fl-aħħar nett il-Ministru rringrazzja lill-Awtorità għal dan il-pass li żgur sejjer ikun ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti nfushom. Huwa qal li l-Awtorità qiegħda taħdem sabiex tkun aktar viċin tal-konsumatur. Il-Ministru elenka diversi inizjattivi li ħadet l-Awtorità fosthom l-liġi l-ġdida tal-Proċedimenti Kollettivi li se tiġi fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu li ġej li se jkun ifisser pass importanti ħafna għal dan is-settur. Huwa qal ukoll li fix-xhur li ġejjin l-Awtorità se tkun qed tniedi kampanja pubbliċitarja sabiex tinforma l-konsumatur dwar is-servizzi li toffri u teduka lill-konsumatur dwar x’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet li jħaddan.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017