STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR
Dott Muscat irid lis-sidien tan-negozji jixtru l-ħut fil-baħar
Is-sidien tan-negozji u s-self employed ma jiklux bl-islogans li joħroġ bihom Dott Muscat. Huwa evidenti li Dott Muscat qed jipprova jqarraq bin-negozji Maltin u Għawdxin billi jgħid li se jnaqqas il-burokrazija mingħajr ma jgħid kif se jagħmel dan. Dott Muscat irid lis-sidien tan-negozji jixtru l-ħut fil-baħar.
Il-Gvern qed jieħu inizjattivi konkreti favur is-self employed u s-sidien tan-negozji żgħar u medji billi tiżdied l-effiċjenza, titnaqqas il-burokrazija u bi skemi ta’ għajnuna finanzjarja diretta u bi tnaqqis ta’ taxxi.
Dan kollu l-Gvern qed jagħmlu bil-fatti u mhux bil-kliem biss. Is-self employed u s-sidien tan-negozji ż-żgħar qed jieħdu skemi tal-Gvern fosthom il-Micro Credit li sal-lum bbenefikaw minnha 300 sid ta’ negozju li bejniethom investew € 47.1miljun u l-Microinvest li għenet lil aktar minn 1660 sid ta’ negozju permezz ta’ tnaqqis tal-income tax. Dawn l-iskemi qed jgħinu lin-negozji sabiex ikabbru l-operat tagħhom u jinvestu aktar. Fil-ġranet li ġejjin il-Gvern se jkun qed iħabbar skema oħra, dik tal-Micro Guarantee li se tgħin lill-aktar negozji sabiex jikbru u jissaħħew.
Is-sena l-oħra daħal fis-seħħ l-Att għan-Negozji ż-Żgħar, infetaħ il-Business First li s’issa rrikorrew għal dan is-servizz, ’il fuq minn 3000 negozju. Fil-ġimgħat li ġejjin se jidħlu wkoll fis-seħħ liġijiet ġodda dwar ċertu liċenzji tal-kummerċ u dan se jkun ifisser b’mod konkret aktar tnaqqis tal-burokrazija, anqas spejjez u aktar effiċjenza. Barra minn hekk l-istatistiċi juru biċ-ċar li fl-aħħar erba’ snin kuntrarju għal dak li seħħ taħt Gvernijiet Laburisti, in-numru ta’ liċenzji tal-kummerċ żdiedu. Ġie mwaqqaf ukoll l-Enterprise Consultative Council, fejn il-kunsill jiltaqa’ b’mod regolari mal-korpi kostitwiti sabiex jiġu diskussi temi ta’ importanza dwar is-settur tan-negozji.
Dan kollhu jixhed li l-Gvern qed isaħħaħ lil dan is-settur permezz tal-iskemi u inċentivi li qed joħloq u dan ma jgħidux biss il-Gvern iżda l-Unjoni Ewropea, meta f’diversi okkażjonijiet il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani rrefera għal Malta f’dak li jirrigwardja l-qasam tan-negozju bħala best practice.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017