KUMPANIJA TAL-AJRU TAGĦMEL INVESTIMENT KBIR TA’ €410,000 PERMEZZ TAL-ISKEMA MICROCREDIT
F’ċerimonja qasira li saret dalgħodu fejn preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, l-Onor. Jason Azzopardi, ġie inawgurat ajruplan ġdid għall-kumpanija Malta School of Flying. Il-kumpanija li qed tagħmel investimenti kbar fis-settur tal-avjazzjoni, bbenefikat minn ammont sostanzjali ta’ €395,000 f’self permezz tal-iskema Microcredit.
Il-Ministru Azzopardi qal li b’dan il-proġett qed ikompli jikber l-investiment fil-qasam tal-avjazzjoni u qed jiżdiedu l-impjiegi fost l-intrapriżi ż-żgħar. Huwa qal li l-iskema microcredit qed tgħin lill-diversi kumpaniji sabiex ikabbru l-operat tagħhom. Huwa qal li l-aħħar ċifri f’din l-iskema juru li sa Ġunju li għadda, ingħataw €29.5 miljuni f’self lil 308 negozji żgħar u medji, bl-ammont investit ilaħħaq id-€47.1 miljun. Huwa qal li dawn iċ-ċifri huma tassew inkoraġġanti u din il-kumpanija għandha sservi ta’ eżempju għal min jixtieq juża din l-iskema.
B’dan l-investiment li t-total kollu jlaħħaq l-€410,000, il-kumpanija investiet f’ajruplan ġdid, kif ukoll se tkun qed tagħmel xi tiswijiet fuq ajruplan ieħor u anki se tkun qed tibni hanger ġdid li mistenni jkun lest f’Settembru li ġej. Il-Malta School of Flying bdiet 8 snin ilu u tiffoka l-aktar fuq taħrig dwar is-settur tal-avjazzjoni u kiri tal-ajruplani. Sentejn wara, fl-2006 fetħet ukoll ”Malta Wings” li hija aktar iffukata sabiex torganizza vjaġġi għat-turisti u dawk kollha interessati li jieħdu esperjenza sabiex itiru f’ajruplani privati, kif ukoll tagħmel diversi surveys u fotografija mill-ajru. Il-kumpanija, li fl-2004 kienet bdiet b’ħaddiem wieħed biss, llum timpjega magħha 16-il impjegat. "Dan juri li l-intrapriżi ż-żgħar qegħdin jimirħu u jiġġeneraw aktar impjiegi", sostna l-Ministru Azzopardi.
Is-Sur Patrick Fenech, Direttur Maniġerjali tal-Kumpanija spjega li permezz tal-aħħar akkwist tagħhom, l-kumpanija se tkun qed toffri aktar aċċessibilita’ sabiex ittir f’pajjiżi oħra f’kull ħin tal-ġurnata, kif ukoll torganizza sightseeing tours madwar Malta u tagħti taħriġ intensiv fuq ajruplani b'aktar minn magna wahda u taħriġ avvanzat fuq strumenti.Dan l-ajruplan ġdid se jintuża wkoll għal dawk kollha li jippjanaw li jtiru f’qasir żmien bħan-negozjanti li jkunu jridu jmorru f’xi pajjiż malajr.
Barra minn hekk is-Sur Fenech spjega li l-kumpanija qed tinvesti wkoll €120,000 fuq il-hanger il-ġdid li x-xogħol fuqu diġa’ beda. Il-kumpanija għandha 6 ajruplani u fil-fatt hija l-unika kumpanija li tħaddan l-ikbar flotta ta’ ajruplani li jintużaw għat-taħriġ f’Malta. Bħalissa, ’il fuq minn 60 student qed jattendu xi taħrig fi ħdan il-kumpanija li jinkludu kemm studenti Maltin kif ukoll barranin, li wħud minnhom ġejjin mill-Belġjum, Libya u l-Jordan.
Il-Ministru Azzopardi qal li dan huwa settur importanti ħafna għal pajjizna, li qed jiġbed ħafna studenti barranin sabiex jieħdu t-taħriġ tagħhom f’pajjiżna u dan għaliex Malta toffri fost l-aqwa skejjel tal-avjazzjoni. Huwa qal li dan l-investiment se jkun qed isaħħah l-ekonomija Maltija u jiġġenera aktar impjiegi.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Azzopardi ħeggeg lil aktar kumpaniji sabiex jagħmlu użu tajjeb tal-iskemi mħaddma mill-Gvern bħalma hi l-Microcredit sabiex anki huma jagħmlu suċċess fin-negozju tagħhom.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017