Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-GVERN

pr1549
Date Icon 11/07/2012

L-Oppożizzjoni tkompli taħdem kontra l-interess tal-familji u l-ħaddiema

Filwaqt li l-Gvern qed ikompli jiddefendi l-interessi tal-poplu Maltin u Għawdxi billi jsostni l-pożizzjoni tiegħu kontra l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar żieda fl-età tal-irtirar u tibdil radikali fil-mekkaniżmu tal-COLA, l-Oppożizzjoni qed tkompli tiddelitta bil-politika fqira ta’ partiġjaniżmu politiku. Minflok tfittex dak li hu verament fl-interess nazzjonali, l-Oppożizzjoni qed tiddefendi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea a skapitu tal-familji u l-ħaddiema.

Il-Gvern Malti diġà għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni Ewropea. Fil-każ tal-pensjonijiet, il-Gvern qed iwettaq riforma li hi frott ta’ konsultazzjoni estensiva u qbil mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili; bħalissa pajjiżna tinsab għaddejja mit-tieni fażi tar-riforma. Għalhekk, il-Gvern qiegħed isostni li ma jagħmilx sens li jiġi abbandunat proċess li miexi b’mod pożittiv id f’id mal-imsieħba soċjali sabiex jinbeda proċess ieħor.

Il-Gvern Malti għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara wkoll kontra t-tibdil fil-mekkaniżmu tal-COLA kif propost mill-Kummissjoni Ewropea. Il-mekkaniżmu tal-COLA stabbilit f’Malta hu riżultat ta’ qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha u hu wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ relazzjoni industrijali b’saħħitha li għandha pajjiżna.

Bl-istqarrijiet tagħha, l-Oppożizzjoni qed thedded dan kollu, inkluż il-pożizzjoni b’saħħitha li qed iżomm il-Gvern mal-Kummissjoni Ewropea. L-Oppożizzjoni qed tkun perikoluża ħafna meta tagħti x’tifhem li trid tnaqqas l-età tal-pensjoni u billi tappoġġja paga soċjali u COLA li tinbidel darbtejn fis-sena. Dan aktar u aktar meta tisħaq li tagħmel dawn id-dikjarazzjonijiet mingħajr konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.

L-Oppożizzjoni mhix qed tkun korretta meta tgħid li l-country specific recommendations tal-Kummissjoni Ewropea fl-2011 kienu “prattikament l-istess” ghal dawk ta’ din is-sena. Jekk l-Oppożizzjoni mhix kapaċi tagħraf id-distinzjoni bejn dak li ġie rrakkomandat is-sena li għaddiet u din is-sena, aħseb u ara kemm hi kapaċi tiddefendi l-interessi ta’ pajjiżna f’dawn l-istess fora.

Waqt li l-Gvern qabel mar-Rakkomadazzjoni tas-sena l-oħra dwar il-COLA, xi ħaġa li kienu qed jitolbu l-imsieħba soċjali u l-Unions, din is-sena l-Kummissjoni talbet speċifikament biex mill-COLA jitneħħa l-impatt tal-prodotti importati, xi ħaġa li l-Gvern ma jistax jaċċetta.

L-istess dwar il-pensjonijiet, kien din is-sena li l-Kummissjoni talbet speċifikament l-aċċellerazzjoni taż-żieda fl-età tal-pensjoni, meta studji tal-Gvern, ibbażati fuq il-metodoloġija tal-Kummissjoni dwar il-life expectancy, urew li dan m’għandux għalfejn isir qabel l-2029.

Filwaqt li l-Prim Ministru żamm pożizzjoni b’saħħitha u ċara kontra l-proposti li ressqet il- Kummissjoni Ewropea, pożizzjoni li wasslet għal tibdil fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew il-ġimgħa li għaddiet, l-Oppożizzjoni qed tkompli tipprova tilgħab logħba li tmur kontra l-interessi tal-familji u l-ħaddiema. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow