TĦALLIX IX-XEMX IDDEWBEK: FULJETT MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ DWAR KIF TIPPROTEĠI RUĦEK MIX-XEMX
Is-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità għandu kumitat fi ħdanu biex jara li jittieħdu l-miżuri kollha biex ir-residenzi tal-gvern tal-anzjani, ir-Residenza San Vinċenz de Paul, l-Isptar tar-Rijabiltazzjoni Karin Grech, Zammit Clapp Nursing Home u l-Isptar Mount Carmel jilqgħu għall-imwieġ tas-sħana biex b’hekk il-klijenti jkollhom ambjent komdu. Id-djar tal-anzjani privati jiġu infurmati wkoll dwar din il-ħidma.
Barra minn hekk kuljum jinqraw darbtejn it-termometri li jitwaħħlu f’kull kamra li fihom l-individwi l-iktar vulnerabbli fid-djar jgħaddu l-maġġoranza tal-ħin biex l-arja kkundizzjonata tiġi regolata skont it-temperatura rakkomandata.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onorevoli Mario Galea waqt il-preżentazzjoni tal-fuljett TĦALLIX IX-XEMX IDDEWBEK li saret fis-Sala Santa Bernardetta f’Ħ’Attard.
Dan il-fuljett li se jitqassam fil-komunità jagħti pariri prattiċi dwar kif l-effetti negattivi tax-xemx jistgħu jingħelbu fost l-oħrajn b’xorb regolari tal-ilma, użu ta’ ħwejjeġ ċari, ikel frisk, tiġbed il-purtieri fejn ikun hemm ħafna xemx.
Mario Galea fakkar li l-effetti tax-xemx jinkludu telqa, nixfa fil-ħalq, uġigħ ta’ ras u dardir u dawn l-effetti huma ikbar għall-persuni vulnerabbli fosthom l-anzjani, pazjenti b’kondizzjonijiet kroniċi, persuni li jabbużaw mill-alkoħol u d-drogi.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017