IT-TIM OLIMPIKU BRITTANNIKU TAL-GĦAWM SINKRONIZZAT F’MALTA GĦALL-AĦĦAR TAĦRIĠ QABEL L-OLIMPJADI TA’ LONDRA 2012
Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju t-tim Olimpiku Ingliż u t-tim Malti tal-għawm sinkronizzat se jkunu qed jagħmlu spettaklu għall-pubbliku fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq
It-training camp tat-tim Nazzjonali Brittanniku tal-għawm sinkronizzat hu ċertifikat tal-istandards għoljin tal-faċilitajiet li għandna f’pajjiżna u tas-serjetà li bih titmexxa l-pixxina Nazzjonali. Hekk sostna s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, l-Onor Clyde Puli meta aktar kmieni wara nofsinhar żar it-taħriġ li qed jagħmel f’pajjiżna it-tim Nazzjonali Brittanniku bi preparazzjoni għall-Olimpjadi ta’ Londra.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li l-Gvern f’din il-legislatura investa eluf kbar ta’ Ewro f’din il-faċilità li llum apparti li qed isservi ta’ żvog rikreattiv għal eluf ta’ tfal li huma membri fil-programmi sportivi tal-KMS u għall-membri tal-pubbliku li jattendu f’dan il-kumpless, qed tintuża bħala post għat-taħriġ tal-atleti Nazzjonali Maltin u saħansitra qed tintuża wkoll minn atleti barranin.
L-Onor Puli tenna li din hi t-tieni darba li dan it-tim jinsab f’pajjiżna u fil-fatt l-istess skwadra ġiet Malta fl-2009 qabel il-Kampjonati Mondjali ta’ Ruma u illum reġa rritorna qabel appuntament daqstant importanti.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li din is-sena apparti t-taħriġ dan it-tim se jkun qed jtella’ spettaklu bla ħlas għall-pubbliku nhar l-Erbgħa 18 ta’ Lulju 2012 fis-7.30pm. F’dan l-avveniment se jkun qed jesebixxi għall-ewwel darba t-tim Nazzjonali Malti tal-għawm sinkronizzat immexxi mill-kowċ Saho Harada, rebbieħa ta’ żewġ midalji Olimpiċi u li bħalissa qed tgħin ukoll lill-British Syncro fit-taħriġ tagħhom.
L-Onor Puli saħaq li dawn it-timijiet internazzjonijonali ma kienux se jiġu Malta kieku l-Gvern ma investiex f’din il-faċilità. Huwa spjega kif dan l-investment sar għaliex il-Gvern qiegħed kontinwament jinvesti fl-atleti tiegħu u fis-saħħa u l-benesseri ta’ kull individwu. Aktar minn hekk huwa qal li faċilitajiet ta’ kwalità għolja qed jattiraw lejn pajjiżna turiżmu sportiv li qed joħloq ix-xogħol u qed iħalli f’pajjiżna eluf ta’ Ewro.
Waqt din l-attività kien hemm kien hemm preżenti il-Viċi Direttur tal-KMS Bertie Muscat; id-Direttur tal-KMS, Joe Caruana Curran li ta dettalji dwar l-attività li ser titella’ u t-Team Manager ta’ British Sycro li qalet li t-tim Brittanniku huwa kuntent ħafna bil-faċilità u s-servizz li qed jingħata.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017