GĦOTJA TAL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI B’RISQ IL-PROGRAMM PERMANENTI TA’ RIĊERKA TAD-DIZZJUNARJU MALTI
Illum is-sitwazzjoni nbidlet mhux ftit għall-inqas minn żewġ aspetti. Qabelxejn, il-lingwa Maltija baqgħet tinbidel b’ritmu mgħaġġel u kibru ħafna l-istudju u d-dokumentazzjoni tagħha. Ix-xjenza tal-elettronika, imbagħad, fetħet għal-lessikografija orizzonti li Aquilina fi żmienu lanqas biss seta’ joħlomhom. Id-dizzjunarju llum m’għadux biss volum stampat, imma sar il-bażi ta’ għadd ta’ għodod lingwistiċi elettroniċi, bħalma huma ċ-ċekkjatur tal-kitba (spell-checker), ġabradati (databases) elettroniċi, sistemi algoritmiċi li jkomplu l-kelma u apparati li b’ħeffa ta’ berqa jaqilbu l-kelma f’kitba u l-kitba f’kelma. Tista’ tgħid li l-lingwi Ewropej kollha għandhom mill-inqas dizzjunarju wieħed online u qegħdin jiżviluppaw dawn l-għodod ġodda, komdi u meħtieġa.
Imqanqal mill-ħtieġa li l-istudju tal-Malti wkoll jiġi aġġornat u jitqiegħed aħjar għas-servizz taċ-ċittadin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħeġġeġ lill-Università u lil Midsea Books biex iwaqqfu Programm Permanenti ta’ Riċerka tad-Dizzjunarju Malti li, filwaqt li jimmira qabelxejn għal verżjoni aġġornata u mkabbra tad-Dizzjunarju Malti online, iservi wkoll bħala umbrella li tiġbor taħtha tant riċerka lessikali li qed issir fi ħdan l-Università.
Dan il-Programm sab mill-ewwel l-approvazzjoni u l-għajnuna ġeneruża tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li llum qed jagħmel l-għotja sabiħa ta’ €80,000, li għandha tkopri parti minn din ir-riċerka għal sentejn.
Bħalissa tim ta’ erba’ akkademiċi qiegħed jaġġorna d-dizzjunarju skont l-aħħar żewġ riformi ortografiċi, jikkoreġi xi nuqqasijiet li fih u jżid kliem u tifsiriet li ma kinux inġabru. Il-mira hi li l-Malti fi ftit snin ikollu Dizzjunarju online li ma jkollu xejn inqas minn lingwi oħra. Dan għandu jiswa kemm biex juri l-għana tal-ilsien Malti, kif ukoll – ladarba d-dizzjunarju huwa għodda normattiva qawwija – biex jagħti direzzjoni waħda lill-istudenti, ’l-għalliema, ’il-ġurnalisti, ’it-tradutturi u lil kull min iħaddem il-lingwa Maltija f’xogħlu jew f’kitbitu, kemm f’Malta kif ukoll fost l-emigranti Maltin.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017
pr1517a.pdf