Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-GVERN

pr1483
Date Icon 03/07/2012

Il-Gvern qed jippublika r-risposta għal Mistoqsija Parlamentari numru 36109 li għamel l-Onor Leo Brincat u li tinsab fuq l-aġenda tal-Parlament ta’ għada

PQ 36109

Ninnota li l-Onor Interpellant għamel dawn il-mistoqsijiet l-ewwel darba fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-laqgħa tal-5 ta’ Gunju 2012.  Dakinhar, iċ-Chairman tal-Kumitat sostna li dawn il-mistosijiet kienu “irrelevanti” (out of order) għax ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-mozzjoni li l-Kumitat kien qed jiddiskuti.

Huwa ċar li din il-linja ta’ mistoqsijiet mhix motivata primarjament minn talba għal tagħrif magħmula b’rieda tajba li tista’ tigi meqjusa fl-interess pubbliku, imma sabiex tikkarga aktar il-kampanja maħsuba li tweġġa’ il-fama tas-Sur Cachia Caruana.  Fl-opinjoni tiegħi l-Opposizzjoni qiegħda tuża lil dan il-Parlament f’attentat sfaċċat biex tkompli twettaq aġenda personali fil-konfront ta’ persuna li qeda lil pajjiżu b’lealtà, professjonalità u serjetà għal ħafna snin. Jiena dejjem emmint li din il-Kamra jistħoqqilha imġieba aktar xierqa u aktar korretta minn dik li qed naraw bħalissa.

Madanakollu, fid-dawl tal-istandards li jesiġu li aħna d-Deputati naġixxu in bonafede f’kull azzjoni, jidhirli li huwa xieraq li nqiegħed il-kampanja ta’ mistoqsijiet u qlajjiet dwar il-pakkett tas-Sur Cachia Caruana fil-kuntest veru tagħhu billi nagħti dawn il-fatti sempliċi:

1.      Il-pozizzjoni ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE, li ovvjament ġie maħluq mas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE f’Mejju 2004, ma jista’ jiġi meqjus qatt bħala ekwivalenti għall-posizzjonijiet ta’ Ambaxxaturi oħra.  Bl-aktar mod ċar din il-posizzjoni la hija posting bilaterali normali (bħal per eżempju Ambaxxatur għall-Italja) u lanqas posting multilaterali normali (bħal per eżempju ir-Rappreżentant Permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa Ġinevra).  Ir-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea immexxi u jikko-ordina il-livelli kollha tar-relazzjoni bejn Malta u l-istituzzjonjiet tal-Unjoni Ewropea, mill-proċessi ta’ kuljum sal-ogħla skambji u diskussjonijiet.   Dan il-livell għoli ta’ responsabbilita` huwa ċar fil-job description li ġie mgħoddi lill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-11 ta’ Gunju 2012 (kopja mehmuża).  Għalhekk, irrispettivament minn min ikun jokkupa dan il-post, l-iskala ta’ din il-posizzjoni hija salary scale 1, meta l-iskala normali ta’ ambaxxatur hija salary scale 3.  Għalhekk huwa skorrett li l-Opposizzjoni titlaq mill-punt fejn tqiegħed il-posizzjoni ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE fl-istess keffa ma’ ambaxxaturi oħra, kif għamel l-Onor Interpellant waqt il-laqgħat tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej ix-xahar li għadda.

2.      Barra minn hekk, kif spjegat waqt il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej, is-Sur Cachia Caruana okkupa żewg karigi minn Marzu 2004:  dik ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE kif ukoll dik ta’ Konsulent tal-Prim Ministru dwar l-Unjoni Ewropea.  Ir-responsabilitajiet tas-Sur Cachia Caruana bħala Konsulent tal-Prim Ministru dwar l-Unjoni Ewropea huma deskritti fil-job description mgħoddi lill-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fil-11 ta’ Gunju 2012 (kopja mehmuza). 

3.      Minkejja li kien jokkupa żewg karigi, is-Sur Cachia Caruana kellu pakkett wieħed li jkoprihom it-tnejn.

4.      Kif spjegajt fl-2010, fit-tweġiba għall-mistoqsijiet simili f’dan il-Parlament, il-pakkett tas-Sur Cachia Caruana huwa bażat fuq skala 1 tal-istruttura tas-salarji tas-Servizz Pubbliku Malti li hija mizjuda b’10%.  L-Opposizzjoni ma staqsietx iżjed dwar din it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari mogħtija fid-19 ta’ April 2010  għal sentejn sħaħ.  Rqggħet qajjmet dan il-kaz biss fil-5 ta’ Gunju 2012 meta s-Sur Cachia Caruana kien qed jidher quddiem il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej fuq mozzjoni speċifika.  Iż-żjieda ta’ 10%, li tammonta għal €3,818 fis-sena, mhix mahsuba biss biex tikkompensa għall-fatt li s-Sur Cachia Caruana jokkupa ż-żewg karigi, imma kienet ukoll bħala għarfien li huwa wieħed mill-aktar individwi b’esperjenza fis-servizz tal-Gvern; huwa serva f’karigi għolja b’mod kontinwu mill-1998 u anke qabel l-1996.  Mir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari mogħtija fid-19 ta’ April 2010, huwa car li s-salarju tas-Sur Cachia Caruana huwa €42,337 fis-sena.

5.      Hija regola stabbilita għad-diplomatici Maltin kollha, u naf fic-cert li l-Onor Interpellant din jafha, li meta dawn ikunu jservu barra minn Malta, is-salarji tagħhom jigu kkonvertiti permezz tal-Global Emoluments’ formula biex jirriflettu l-ispejjez marbuta mal-pajjiz fejn dawn ikunu jservu.  Din il-Global Emoluments’ formula ilha tiġi operata sa mill-1984 mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżna, u hija bażata fuq l-iskali uzati minn Nazzjonijiet Uniti f’dawn il-pajjizi, għalkemm il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti inaqqas 10% mill-iskali tan-Nazzjonijiet Uniti.  Il-Global Emoluments tas-Sur Cachia Caruana huma bazati fuq din il-formula.

6.      Finalment, kien hemm spekulazzjoni dwar il-housing, housekeeping u support (xufier) provduti lis-Sur Cachia Caruana. L-arrangamenti provduti lis-Sur Cachia Caruana kienu identici għal dawk provduti lill-ambaxxaturi għall-Komunita Ewropea fis-snin ta’ qabel. Sahansitra il-housekeeper u x-xufiera tas-Sur Cachia Caruana matul it-tmien snin li għaddew, kienu impjegati ferm qabel l-2004 li hija is-sena meta huwa gie maħtur Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE.

Dawn huma l-fatti, izda l-aħjar perspettiva għall-ispekulazzjonijiet li għaddejjin tiġi mill-kalkolu ta’ x’ser ifisser il-ħatra ta’ persuna oħra minflok is-Sur Cachia Caruana.

Għad trid tittieħed id-deċizjoni dwar jekk is-Sur Cachia Caruana għandux jiġi sostitwit minn persuna waħda, li tkompli tagħmel iż-żewġ karigi tiegħu, jew minn żewġ individwi li wieħed minnhom jieħu biss il-kariga ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE.

Jekk is-Sur Cachia Caruana jigi sostitwit minn persuna waħda, u għall-grazzja biss tal-argument dan ikun id-Deputat tiegħu ta’ bħalissa fir-Rappreżentanza Permanenti, allura jien infurmat li skont il-kundizzjonijiet tad-diplomatiċi li jservu barra minn Malta, l-ispiża totali għall-Gvern biex jigi sostitwit is-Sur Cachia Caruana tiżdied mill-€143,140 (€42,337 salarju + €100,803 Global Emoluments) fis-sena tas-Sur Cachia Caruna  għal izjed minn €148,000 għalkemm l-ufficcjal il-ġdid ikun fuq Skala 1 u mhux fuq l-iskala li għandu s-Sur Cachia Caruana (Skala 1 + 10%).

Jekk mill-banda l-oħra, is-Sur Cachia Caruana jiġi sostitwit minn żewġ persuni, u l-posizzjoni ta’ Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE tkun klassifikata fuq Skala 1 (minflok l-iSkala 1 + 10%  tas-Sur Cachia Caruana) u l-Konsulent tal-Prim Ministru ikun klassifikat ukoll fuq Skala 1 (minflok l-iSkala 1 + 10%  tas-Sur Cachia Caruana), allura jien informat li l-ispiża għall-Gvern tiżdied b’aktar minn €35,000 fis-sena meta mqabbla mal-pakkett sħiħ li jirċievi s-Sur Cachia Caruana.

Is-Sur Cachia Caruana bbenefika minn dan il-pakkett mit-23 ta’ Marzu 2009.  Qabel dakinhar, jigifieri sa mill-ħatra tiegħu fl-2004, ir-remunerazzjoni tiegħu kienet bażata fuq skala 1 tas-Servizz Pubbliku li fl-2009 kienet €36,362.  Din fissret pakkett totali ta’ €115,395.

pr1483 - Perm.Rep.of Malta to EU.pdfpr1483 - Perm.Rep.of Malta to EU.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow