TAĦRIĠ GĦALL-PROFESSJONISTI FIL-HYPOERBARIC JISSARRAF F’AKTAR KURA GĦALL-PAZJENTI
Wara taħriġ estensiv fil-kura li tingħata mill-Hyperbaric Unit, professjonisti li jaħdmu f’din it-taqsima ngħataw ċertifikat li jikklassifikahom fost l-aktar imħarrġa fil-Baromedicine.
Dr Joe Cassar, Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita qal li t-taħriġ huwa importanti f’kull qasam tal-mediċina, minħabba l-fatt li professjonist aġġornat joffri l-aħjar kura lill-pazjent. Il-Ministru Cassar faħħar l-impenn muri mit-taqsima li daħlu għall-programm ta’ taħriġ li irrikjeda impenn ta’ 3 snin, u dan juri d-dedikazzjoni lejn il-pazjenti li jiġu bżonn il-kura li tingħata fil-post.
Il-Hyperbaric Unit ħadet spinta il-quddiem hekk kif infetaħ l-isptar Mater Dei bl-investiment ta’ waħda mill-aktar chambers moderni li hawn disponibbli. Il-Gvern ħaseb ukoll biex ħatar żewġ konsulenti li jieħdu ħsieb it-tmexxija tat-taqsima li ssarraf f’żieda fis-servizzi għall-pazjenti.
Illum medja ta 20 persuna jirċievu kura varja fil-Hyperbaric Unit, li fiha jiġu kkurati pazjenti li għandhom kundizzjonijiet li jirriżultaw minn tnaqqis ta’ ossiġnu fil-ġisem.
It-taħrig li rċivew il-professjonisti kien imfassal mill-European Committee of Hyperbaric Medicine, bħala parti mill-inizjattiva li tissejjaħ COST B14, inizjattiva tal-Unjoni Ewropea bl-iskop li jiġu msaħħa u segwiti standards Ewropej f’taħriġ mediku u prattiku fil-hyperbaric medicine li tinkludi wkoll kura relatata mal-għaddasa.
Dr Ramiro Cali Corleo, Konsulent fil-Hyperbaric Unit qal li l-proċedura tirrikjedi tul ta’ ħin f’kamra apposta li żżid il-pressjoni bħalma jiġri meta persuna tinżel taħt il-baħar. Hu qal li l-pazjent jiġi ppreparat ankè psikoloġikament qabel ma jibda l-proċess, minħabba li dan idum ammont ta sigħat, b’medja ta’ 5 sigħat. Hu qal li permezz ta’ din il-kura qed jiġu evitati numru ta’ amputazzjonijiet partikolarment fil-kura għad-dijabete.
Other Press Releases:
PR262018
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...
PR262017