Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI TAL-ĦAMSA U ĦAMSIN EDIZZJONI TAL-FIERA INTERNAZZJONALI TA’ MALTA, FIL-MALTA FAIRS AND CONVENTION CENTRE, TA’ QALI – L-ERBGĦA, 27 TA’ ĠUNJU 2012.

pr1453
Date Icon 27/06/2012

Matul is-snin, il-fiera annwali żviluppat f’riflessjoni ta’ xejriet fil-kummerċ u fil-preferenzi tal-konsumatur Malti. 

Din hija l-55 edizzjoni ta’ din il-Fiera, u għalhekk saret tradizzjoni għal ħafna familji Maltin u negozji.  Dawn l-aħħar ħamsa u ħamsin sena ta’ storja f’Malta raw trasformazzjoni tremenda fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali f’pajjiżna. Mis-snin sittin ‘l hawn, pajjiżna akkwista l-indipendenza politika tiegħu, li ġabet magħha wkoll il-bżonn li nkunu indipendenti ekonomikament, billi niġġeneraw l-investiment u l-impjiegi għaliex ma bqajniex niddependu mill-impjiegi mas-servizzi Ingliżi jew l-emigrazzjoni.  F’dak li hu żvilupp ekonomiku, Malta għamlet passi ta’ ġgant; u negozjanti li emmnu fl-ekonomija tagħna u fid-direzzjoni li kien miexi biha l-pajjiż, investew u ġġeneraw eluf ta’ impjiegi għall-ħaddiema bieżla u flessibbli.  

Malta llum hi: pajjiż Sovran, membru fl-Unjoni Ewropea b’suq ewropew, u li minkejja l-limitazzjonijiet ta’ riżorsi naturali, xorta waħda jiġġenera livell ta’ għixien u kwalità ta’ ħajja li jħabbatha mal-aqwa fid-dinja.

Ninnota b’sodisfazzjon li ħafna mill-istands li għandna hawnhekk huma ta’ negozji żgħar u medji. Id-diversifikazzjoni tal-investiment u negozji tagħna hu essenzjali għall-iżvilupp tas-soċjetà u l-ekonomija Maltija.  In-negozji żgħar u medji ħafna drabi jkunu ‘buffer’ għal skossi kbar li nkunu esposti għalihom meta l-ekonomija internazzjonali tmur lura, jew tgħaddi minn kriżi wara l-oħra kif ġara matul dawn l-aħħar erba’ snin.  

F’Malta, fattur importanti għaliex ir-rata tal-qgħad tagħna baqgħet baxxa, minkejja l-maltemp ekonomiku internazzjonali, hi għaliex għandna numru kbir ta’ negozji żgħar u medji.  Il-Gvern qiegħed joffri skemi u inċentivi sabiex dawn it-tipi ta’ negozji żgħar u medji jiffjorixxu u jibqgħu jiġġeneraw l-impjiegi f’pajjiżna għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema.  Mhux b’kumbinazzjoni li f’4 snin ħloqna 20,000 impjieg ġdid u li għandna waħda mill-anqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea.  Il-bieraħ stess, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika ċ-ċifri dwar iż-żieda fl-impjiegi u t-tnaqqis fil-qgħad fl-ewwel kwart ta’ din is-sena meta mqabbel ma’ Jannar u Marzu tas-sena li għaddiet.  Pajjiżna baqa’ joħloq ix-xogħol.  L-impjiegi żdiedu bi 3,247 fuq is-sena li għaddiet.  Dan ġara waqt li l-parti l-kbira tal-pajjiżi ta’ madwarna u li nagħmlu l-kummerċ magħhom kellhom tnaqqis fl-impjiegi.

Min isegwi dak li ħafna pajjiżi fl-Ewropa u anki barra mill-Ewropa għaddejjin minnu jagħraf li, minkejja li aħna għandna l-isfidi tagħna wkoll, il-qagħda ekonomika tagħna hi ferm aħjar minn ta’ ħafna pajjiżi żviluppati.    

Ħafna pajjiżi qegħdin ikollhom inaqqsu l-kundizzjonijiet tal-impjiegi ta’ ħafna ħaddiema, anki fis-settur pubbliku sabiex jindirizzaw il-problemi li għandhom. Tnaqqis fil-pagi, fin-nefqa tal-edukazzjoni u s-saħħa u żieda fit-taxxi, li kollha qed iwasslu għal tnaqqis fin-numru ta’ nies jaħdmu bi qliegħ u żieda qawwija fil-qgħad. 

F’Malta m’għandniex din is-sitwazzjoni u dan hu rikonoxxut mill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea li qegħdin jaraw lil Malta, flimkien ma’ ftit pajjiżi oħrajn, bħala mudell ta’ maniġġjar ekonomiku effiċjenti. Il-President tas-Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum u membru tal-grupp ta’ min iħaddem fil-Kumitat Ewropew għall-Affarijiet Soċjali u Ekonomiċi Bryan Cassidy fl-editorjal tal-pubblikazzjoni għal min iħaddem semma speċifikament lil Malta, flimkien mal-Polonja, bħala l-pajjiżi li laqgħu tajjeb u salvaw mill-kriżi finanzjarja.  Lil min iħaddem qalilhom li l-ekonomija f’Malta kompliet timxi ‘l quddiem. Pajjiżna hu wieħed mill-ftit.  Mertu tad-direzzjoni li mxejna biha, tal-għaqal ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema tagħna.  F’Malta ma addottajnix miżuri ta’ awsterità li naffru t-tkabbir ekonomiku, kif qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.  Għamilna bil-maqlub.  Tajna inċentivi biex jiżdied l-investiment.  U dan stajna nagħmluh għaliex meta kien il-waqt ħadna l-aħjar deċiżjonijiet u fil-ħin, u għamilna r-riformi li kienu meħtieġa.

Iż-żieda fl-investiment u ż-żieda fl-impjiegi kienet possibbli wkoll għaliex il-Gvern jimxi bi prudenza u responsabbiltà u ma ħalliex il-finanzi tal-pajjiż jiddeterjoraw, anki meta forsi kien politikament konvenjenti li jagħmel hekk.   Waqt li f’tant pajjiżi insibu tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ ħafna impjegati u tnaqqis fil-pagi, f’Malta l-paga medja hi 2,000 ewro aktar milli kienet 4 snin ilu.

Fl-istess waqt kellna żieda wkoll fl-investiment barrani, għaliex pajjiżna għandu reputazzjoni ta’ stabbiltà, serjetà, u produttività.  Dan l-investiment ħoloq aktar opportunitajiet u għażliet ta’ xogħol b’pagi tajbin.

Dan kollu, flimkien mal-investiment li jsir mill-Maltin, qed ikompli jgħin sabiex insostnu l-konsum taċ-ċittadin u l-familji Maltin u b’hekk attivitajiet bħal din il-Fiera, li tlaqqa’ lil konsumatur man-negozjanti tagħna, tkun suċċess sena wara l-oħra.  Naturalment min ibiegħ irid ikun innovattiv, għaliex illum il-kompetizzjoni ġejja kemm minn min qiegħed ibiegħ lokalment kif ukoll minn forom oħra ġodda ta’ xiri bħall-e-shopping.  Il-kummerċjant Malti jrid jagħraf iżid il-valur tas-servizzi li joffri lill-konsumatur li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar għandu drittijiet u aktar qed isir esiġenti.

F’din il-Fiera qegħdin naraw aktar minn 250 esibitur jipparteċipaw b’varjetà ta’ prodotti impressjonanti. Prodotti li huma importati u oħrajn li huma magħmulin Malta wkoll.  L-oġġett impurtat fih innifsu wkoll jiġġenera ħafna impjiegi fl-ekonomija Maltija. Il-qasam tal-Wholesale and Retail jiġġenera wkoll eluf ta’ impjiegi f’Malta u Għawdex, iżda ma’ dawn wieħed irid iżid impjiegi fis-servizzi li huma marbutin ma’ dan il-qasam bħal dawk ta’ installar u manutenzjoni.  Ħafna minn dawn l-impjiegi jirrikjedu livell ta’ snajja’ għoli u nies imħarrġa apposta. 

Sinjuri,

Il-Fiera ta’ Malta hi tieqa oħra fuq l-andament u l-iżvilupp ekonomiku f’pajjiżna.  Hi vetrina, mhux biss ta’ prodotti, imma fuq kollox tas-sinsla tal-ekonomija Maltija – in-negozji żgħar u medji.  Vetrina tal-attività ekonomika u kummerċjali f’pajjiżna.  B’sodisfazzjon ninnota kif dan is-settur qiegħed jieħu l-opportunitajiet li qed joffri l-Gvern permezz tal-iskemi li qed iniedi biex min hu fin-negozju jinvesti aktar u joħloq aktar xogħol għall-ħaddiema.  Intom qed titrasformaw l-iskemi tal-Gvern f’impjiegi.

Il-Gvern japprezza l-ħidma li tagħmlu intom is-sidien ta’ negozji żgħar u medji, intom li tinvestu f’pajjiżna u li tiġġeneraw il-ġid mhux biss għalikom u għall-familji tagħkom iżda anki għall-impjegati li tħaddmu magħkom.   Ta’ dan kollu grazzi. 

L-impenn tagħna jibqa’ li mhux biss inkunu ta’ appoġġ għall-ħidma tagħkom, iżda li fuq kollox insostnu dak li tagħmlu intom b’aktar skemi finanzjarji, b’aktar effiċjenza fosthom anki permezz tal-Business First li ftaħna din is-sena fejn ġbarna s-servizzi kollha għal min hu fin-negozju taħt saqaf wieħed biex tinqdew aħjar; b’aktar attività ekonomika nkluż bi proġetti li jiġġeneraw ix-xogħol għall-SMEs u fuq kollox b’direzzjoni ekonomika tajba fejn in-negozju u l-kummerċ ikompli jikber.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  Tittella’ konferenza nazzjonali li tqajjem aktar għarfien u azzjoni kontra l-vjolenza domestika

PR262018

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U L-MINISTERU G...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT U MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Minn 90 għal kważi 900 żagħżugħ u żagħżugħa fi tliet snin fid-Duke of Edinburgh’s International Award

PR262017

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT, MILL-MINISTERU G...

More Press Releases Right arrow